14 December 2009

Ġie biex Imut

Sa minn tfuliti, kont u nibqa immeraviljat b’dak li ġara fl-ewwel Milied. L-anġlu qal lil Ġuzeppi biex ma jibżax jieħu lil Marija b’martu għax dak li kien mnissel fiha hu mill-Ispirtu s-Santu. “U hi tiled iben,” qallu, “u int issemmih Ġesù għax hu jeħles il-poplu tiegħu minn dnubiethom.”

L-Iben t’Alla – li kien minn dejjem mal-Missier u bih kien maħluq kollox - sar bniedem u ġie fid-dinja. Is-Sultan etern libes il-faqar u ġie fostna; it-tfajjel ta’ Betlehem hu Emmanuel, Alla magħna.

Ġesù ġie biex iwettaq missjoni li ħadd ħliefu ma seta’ jwettaq; ġie biex jeħles lil poplu tiegħu minn dnubiethom. Għax aħna ksirna l-Liġi t’Alla, aħna ħatja quddiemu u jistħoqqilna l-kastig u l-għadab tiegħu fl-infern. Imma Ġesù jeħles lill-poplu tiegħu mill-ħtija u mill-ħakma tad-dnub, mill-mewt u mill-infern, u jħabbibhom m’Alla.

Imma għal xi wħud Ġesù ma jiswa xejn. Il-Mulej Ġesù jsalva biss lil dawk li huma tiegħu - hu jeħles lil poplu tiegħu, kif tgħid l-Iskrittura. Għalhekk ta’ min nistaqsi, jien ta’ Ġesù, jien nagħmel parti mill-poplu tiegħu, jien membru ħaj fil-knisja tiegħu? Indimt minn dnubieti, qiegħed nafda s-salvazzjoni ta’ ruhi f’idejh? Qiegħed nistinka biex ngħix skond ir-rieda tiegħu, niskarta d-dnub, infittex il-qdusija, u li nħobb mill-qalb?

Jekk iva, nista’ nkun ċert li hu jsalva lili wkoll minn dnubieti. Isalvani għax hu Alla, u Alla jista’ kollox. Isalvani għax sar bniedem, tad-demm u l-laħam bħali, biex hu, li kien bla dnub, kien imsallab u xerred demmu biex iħallas darba għal dejjem id-dejn tiegħi. Ħa fuqu dak li qatt ma kellu, id-dnub; u ta lili dak li qatt ma kelli, qalb nadifa u l-ħajja ta’ dejjem. Minn qalbi nittama li inti wkoll tesperjenza l-maħfra u l-paċi li Ġesù biss jaf jagħti.