26 April 2007

Jixtru l-Mewt


Waqt li qed nikteb, nisma’ l-ħsejjes qawwija tal-murtali f’ġieħ il-qaddis tar-raħal. Il-ħamest irġiel li mietu fil-kamra tan-nar din il-ġimgħa għadhom lanqas indifnu.

Kif nista’ nieħu ġost bil-logħob tan-nar? Qed inħallsu prezz għoli wisq għal ftit pjaċir: il-ħajja ta’ min jaħdmu u l-inkwiet u n-niket tal-familjari tagħhom.

Imma nistħajjel min jgħidli, x’nistgħu nagħmlu aħna? In-nar ma jaħdmuhx f’ġieħ il-qaddis imma sforz in-namra lejn dan id-delizzju perikoluż. Dawk li jaħdmu n-nar huma iffissati, u kif jgħid il-Malti, l-għada li titrabba fiha, il-kefen biss ineħħiha.

Tassew, imma int u jien nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex ma nkunux kompliċi fil-qtil ta’ irġiel oħra fix-xhur u s-snin li ġejjin. Jekk tassew nemmnu fil-valur tal-ħajja umana, u jekk konvinti li l-qaddisin fis-sema m’għandhomx bżonn l-istorbju u l-kuluri tal-logħob tan-nar, nistgħu nipproteġu l-ħajja billi ma nagħtu ebda kontribut finanzjarju, lanqas ċenteżmu! Meta jiġu jiġbru għan-nar, l-għażla f’idejna.

Min irid jixtri l-mewt, jixtriha bi flusu.