22 April 2007

L-Ewwel Qaddis Malti


Għaliex għandna nifirħu li wara ħafna sekli wieħed minn fostna – wieħed biss – se jkun ddikjarat qaddis?

Inħoss ruħi mqallba meta nara kemm ir-reliġjon kattolika tbegħdet mill-fidi evanġelika mħaddna mill-Insara bikrija. Żgur li bħali ħafna Maltin qraw it-Testment il-Ġdid u tgħallmu x’kienu jemmnu u jipprattikaw id-dixxipli taħt it-tmexxija ta’ l-appostli. Għandna l-kuraġg inqabblu dak li qrajna ma dak li qed naraw bħalissa?

It-titlu “qaddis” kien ristrett biss għal numru żgħir ta’ nies jew l-Insara kollha kienu jissejħu qaddisin? Kienu kanoniżżati wara mewthom jew kienu magħrufa qaddisin f’ħajjithom minkejja id-dgħufijiet li lkoll kemm aħna għandna? Kienu ddikjarti qaddisin minn xi tribunal ekkleżjastiku jew minn isqof ta’ xi belt partikolari, jew l-Insara kienu jgħarfu lil xulxin qaddisin? Kienu meqjusin qaddisin minħabba l-għemejjel u l-virtujiet tagħhom, jew għax kienu jemmnu fi Kristu Ġesù?

Fil-Bibbja insibu li dawk kollha li tassew jemmnu l-evanġelju huma mqaddsin bid-demm ta’ Kristu u bil-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu f’qalbhom. Lil maħbubin tiegħu, Alla jsejħilhom “qaddisin” mill-ewwel mument li jemmnu f’Ibnu, u mbagħad jibgħathom jgħixu ħajja qaddisa fid-dar, fuq ix-xogħol u kulfejn ikunu.

Ir-reliġjon kattolika qalbet dan kollu ta’ taħt fuq.