20 April 2007

Messaġġi mis-Sema


X’nistgħu ngħidu dwar statwi jnixxu dmugħ tad-demm u d-dehriet tal-Madonna? X’hemm wara dawn il-fenomeni?

Hemm żewġ possibilitajiet: jista’ jkunu ġejjin minn kawżi naturali jew minn kawżi sopranaturali. Tal-ewwel, il-kawżi naturali, jinkludu mard psikjatriku (ngħidu aħna alluċinazzjonijiet) jew qerq tal-bniedem.

Imma xi wħud minn dawn il-ġrajjiet donnhom m’għandhomx spejga naturali. Iżda dan ma jfissirx li dehra tal-Madonna bil-fors hi ġenwina. Avvenimenti sopranaturali jistgħu ikunu ġejjin minn Alla jew mix-xitan.

L-Iskrittura twissina li Satana jidher bħala anġlu tad-dawl. Dan ifisser li x-xitan ma jidhirx ikrah kif tassew hu, imma jinbidel u jieħu sura oħra. Jidher bħala messaġġier t’Alla. Għalhekk irridu nżommu quddiem għajnejna li x-xitan jista’ jidher u jippersonifika lil Marija, omm Sidna, biex iqarraq.

Lanqas għandna ninpressjonaw ruħna li f’dawn id-dehriet jingħad kliem reliġjuż fuq konverżjoni, talb u Ġesù. Ix-xitan mhux iblah. Ladarba jrid iqarraq bina, jgħid biżżejjed ħwejjeġ tajba biex ikun kredibbli, waqt li jitfa’ biżżejjed velenu biex joqtol il-vittmi tiegħu.

Tassew, għandna bżonn ta’ messaġġ mis-sema. Irridu nkunu nafu t-Triq, x’irid Alla minna, kif niksbu s-salvazzjoni.

Imma Alla ma ħalliniex fil-għama. Alla kellimna. Il-messaġġ tiegħu huwa miktub bl-iswed fuq l-abjad fil-paġni ta’ Iskrittura Mqaddsa. Jonqos biss li nitgħallmu, nemmnu u nobdu Kelmtu. Messaġġi oħra mis-sema m’għandniex bżonn.