22 September 2007

Riforma fil-Knisja


M'għandix inkun sorpriz meta jakkużawni b'mottivi ħżiena għax kultant nikteb kontra xi tagħlim jew drawwiet tal-Knisja Kattolika. Iżda nammetti li jiddispjaċini.

Xi wħud jassumu li nobgħod meta nikteb kontra ċerti aspetti tar-reliġjon Kattolika. Alla li jagħraf il-qalb jaf li xejn għajr l-imħabba ma' tħeġġigni biex naqsam l-Evanġelju ma' kullħadd, u b'mod speċjali mal-Kattoliċi peress li jien ukoll darba kont Kattoliku u għalhekk nifhimhom sewwa.

L-imħabba mhix biss tmellis u kliem ħelu. Meta kont tfajjel, missieri u ommi kienu jikkoreġuni. Dak iż-żmien ma kontx nieħu ġost bihom; illum ma nsibx kliem biex nirringrazzjahom. L-istess issa, fost sħabi u ħbiebi, l-aqwa fosthom huma dawk li jwissuni u jgħinuni ninbidel fejn ikun hemm bżonn.

Mhux hekk għamel il-Mulej Ġesù meta kien fostna? Ġesù ma qagħadx lura milli jneħħi l-għanqbut u jiknes it-trab li kien inġabar matul is-sekli fir-reliġjon Lhudija. Kemm-il darba qalilhom: “Smajtu li ntqal min-nies ta’ dari… imma jien ngħidilkom.” Darba oħra qalilhom: “Intom twarrbu għal kollox l-kmandamenti t’Alla biex iżżommu t-tagħlim tagħhom.” U darba oħra, “Qegħdin tiżbalja għax ma tafux l-Iskrittura.”

Jien konvint li r-reliġjon Kattolika wkoll, bħal fi żmien Ġesù, għandha bzonn riforma sħiħa. Hemm bżonn nagħżlu bejn it-tagħlim tal-Mulej u t-tradizzjonijiet umani biex nerġgħu lura għall-messaġġ evanġeliku li jagħti l-ħelsien u l-ħajja.