22 June 2008

Riġlejn Ma Jimxux


Dan l-aħħar deher video fuq il-YouTube li juri statwa tinqaleb fl-art u titkisser waqt li kienet qed tinġarr fil-knisja. Ftakart x’qal il-profeta Ġeremija (10:5) fuq l-idoli:

“Bħan-nuffara f'għalqa ħjar, l-idoli ma jitkellmux. Trid terfagħhom, għax ma jimxux. La tibżgħux minnhom, għax deni ma jagħmlux, u riżq ma fihom xejn.”

Is-salmista (115: 4-7) jgħid li l-allat tal-pagani huma fidda u deheb, għemil idejn il-bnedmin, u b’disprezz ikompli:

“Għandhom il-fomm, u ma jitkellmux; għandhom l-għajnejn, u ma jarawx; għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux; għandhom l-imnieħer, u ma jxommux; għandhom l-idejn, u ma jmissux; għandhom ir-riġlejn, u ma jimxux; ebda leħen ma joħroġ minn fommhom.”

Naturalment il-Bibbja qed titkellem fuq l-idoli tal-pagani u mhux fuq l-istatwi nsara. Imma milli jidher l-istatwi nsara m’humiex wisq aħjar minnhom. Il-vari tal-qaddisin ukoll jeħtieġ jintrabbtu biex ma jinqalbux, u jinġarru fuq l-ispallejn avolja għandhom ir-riġlejn.

M’hemmx li nirritornaw lejn il-fidi u l-prattika tal-knisja bikrija! L-Insara tal-bidu ma kellhomx statwi; kienu jqima ‘l Alla fl-Ispirtu u l-verità, kif jgħallimna il-Mulej Ġesù. Kienu jieħdu bis-serjetà t-tieni kmandament li jiprojbixxi il-qima ta’ xbiehat skolpiti maħdumin b’idejn il-bniedem, u saħansitra li mmilu quddiemhom.