10 October 2010

Iż-Żwieġ u d-Divorzju

Bħalissa f’Malta kulħadd jitkellem fuq id-divorzju! Min jgħid li hu tajjeb u min jgħid li mhux. Kulħadd b’opinjoni differenti. Bħala Nisrani rrid nieqaf u nistaqsi, ‘Apparti l-ideat umani – x’jaħseb l-Imgħallem tagħna? X’jaħseb dak li waqqaf iż-żwieġ? Irid Alla d-divorzju jew le?’ Frankament insib lili nnifsi nipprova niġġustifika d-divorzju, jekk xejn għal dawk li qed ibatu minħabba li ż-żwieġ tagħhom falla. Nixtieq kieku li jkollhom opportunità jibdew mill-ġdid. Ħaġa waħda żżommni lura - il-Kelma t’Alla. Niqba’ nħobb u ngħożż lill-aħwa fi Kristu li għandhom fehma differnti minni. Filwaqt li dan l-artiklu hu kontribut ċkejken f’din id-diskussjoni, ikun ta’ siwi biss jekk jgħinna nifhmu x’tgħallem l-Iskrittura fuq id-divorzju. Jalla l-Mulej jagħtina fehma tajba u qalb ubbidjenti.

Iż-Żwieġ

Iż-żwieġ waqqfu Alla fil-bidu tal-ħolqien (Ġenesi 2:18-25); huwa Alla li jgħaqqad il-koppja flimkien (Mark 10:9). Ladarba mhux invenzjoni umana jew drawwa kulturali, jeħtieġ nifhmu u nirregolaw iż-żwieġ skont it-tagħlim tal-Kelma t’Alla, u mhux fuq l-ideat dejjem jinbidlu tal-bniedem.

Iż-żwieġ hu patt ta’ sħubija bejn raġel u mara għal ħajjithom kollha. Essenzjalment, iż-żwieġ hu patt, jew rabta sagra, kif issejjaħlu l-Iskrittura fi Proverbji 2:14 u Malakija 2:17. Iż-żwieġ hu mibni fuq l-mudell tar-relazzjoni ta’ Kristu mal-knisja (Efesin 5:32, 33) li hu f’għamla ta’ patt (‘Il-Patt il-Ġdid’). Għalhekk mhux biżżejjed li tnejn jiddeċiedu li jgħixu flimkien jew li jkollhom relazzjonijiet sesswali bejniethom. Iż-żwieġ jibda meta r-raġel u l-mara volontarjament jidħlu f’dan il-patt bejniethom quddiem Alla u s-socjetà.

Iż-żwieġ hu l-għaqda bejn raġel wieħed u mara waħda kif ried Alla mill-bidu nett: ‘ir-ragel…jingħaqad ma’ martu, u jsiru laħam wieħed’ (Ġenesi 2:24). Il-poligamija u l-omosesswalità huma għalhekk perverżjoni taż-żwieġ.

L-għan ewlieni taż-żwieġ hu s-sħubija tar-raġel ma’ martu. Il-patt taż-żwieġ hu maħsub biex ir-raġel u l-mara jsibu l-milja tagħhom f’xulxin f’relazzjoni ta’ mħabba. Dwar ir-ragel Alla qal li mhux sew li jkun waħdu, u kien għalhekk li għamel il-mara ‘taqbel’ jew tikkorrispondi għalih (Ġenesi 2:18). Ir-raġel isib il-milja tiegħu f’martu, u l-mara fir-raġel tagħha. Minbarra s-sħubija bejn ir-raġel u l-mara, iż-żwieġ huwa ukoll maħsub għat-tnissil u t-trobbija tal-ulied (Ġenesi 1:28).

Ir-rabta bejn ir-raġel u l-mara hi waħda permanenti. Il-mewt biss tħoll ir-rabta taż-żwieġ (Rumani 7:1-3). Mhux biss, iż-żwieġ hu rabta mill-aktar intima: ‘Ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu; u jsiru laħam wieħed’ (Ġenesi 2:24). L-għaqda taż-żwieġ hi saħansitra aktar intima mir-rabta tad-demm bejn il-ġenituri u wliedhom. Infatti r-raġel ‘iħalli’ lill-ġenituri tiegħu biex ‘jingħaqad’ ma’ martu, u t-tnejn isiru laħam ‘wieħed’. Ir-relazzjoni sesswali hi s-sinjal ta’ din l-unità, u għalhekk għandha tkun riservata fil-kuntest taż-żwieġ.

Id-Divorzju

Id-divorzju huwa x-xoljiment legali taż-żwieg. Alla jobgħod id-divorzju: ‘Għax jien nobgħod id-divorzju,’ jgħid il-Mulej (Malakija 2:16). Il-Mulej Ġesù jgħid ċar li dak li Alla għaqqad flimkien m’għandux jifirdu l-bniedem, u min ikeċċi lil martu u jiżżewweg oħra, jagħmel adulterju kontra tagħha.

L-Iskrittura tgħallem li d-divorzju huwa moralment ħażin.

• Kull min ikeċċi lil martu u jiżżewweġ oħra, jagħmel adulterju; u min jiżżewweġ l-imkeċċija minn żewġha jagħmel adulterju (Luqa 16:18).

• Għax il-mara li għandha żewġha hi marbuta bil-liġi ma’ żewġha kemm idum ħaj; iżda jekk imut ir-raġel, hi maħlula mil-liġi ta’ żewġha. Għalhekk mela, jekk waqt li għadu ħaj żewġha, tiżżewweġ raġel ieħor, tissejjaħ adultera: iżda jekk imut żewġha, hi meħlusa minn dik il-liġi; u ma tkunx adultera, jekk tiżżewweġ raġel ieħor (Rumani 7:2, 3).

• U lill-miżżewġin nordna, mhux jien, imma l-Mulej: Ħa ma titlaqx il-mara minn żewġha. Iżda u jekk titlaq, ħa tibqa’ ma tiżżewwiġx, jew terġa’ tagħmel paċi ma’ żewġha: u r-raġel ħa ma jkeċċix lil martu (1 Korintin 7:10, 11).

Oġġezzjonijiet

(1) Jekk Alla ma jridx id-divorzju, għalfejn tahom il-liġi tad-divorzju fit-Testment il-Qadim? Alla ma lleġislax favur id-divorzju, imma rregola d-divorzju li kien diġa’ eżistenti. Bħalma l-gvern ma lleġislax favur it-tipjip (anzi jwissi bil-periklu tas-sigaretti għas-saħħa), imma ladarba hemm min ipejjep xorta waħda, il-gvern jirregola l-vizzju tat-tipjip bil-liġi (ma tistax tpejjep f’postijiet pubbliċi, magħluqa, eċċ.) ‘Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dal-preċett,’ qal Ġesù, imma għal dawk li jridu jisimgħu, il-Mulej jeħodna lura għall-mudell u l-għan oriġinali taż-żwieġ: ‘Iżda mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara. Minħabba f’hekk raġel jitlaq lil missieru u lil ommu, u jingħaqad ma’ martu. U t-tnejn isiru ġisem wieħed: għalhekk ma jibqgħux iżjed tnejn, iżda ġisem wieħed. Għalhekk dak li Alla għaqqad flimkien, ħa ma jifirdux il-bniedem’ (Mark 10:6-9). L-għażla tagħna hi li nwebbsu jew niftħu qalbna għall-Ħallieq u l-Imgħallem tagħna.

(2) Kristu m’għamilx eċċezzjoni meta qal ‘ħlief minħabba ż-żena’ (Mattew 5:32; 19:9)? Le, b’ebda mod. Dik il-frażi nsibuha f’Mattew, u ma nsibuhiex f’Mark u Luqa. Xieraq nistaqsu r-raġuni għaliex Mattew biss jinkludi din l-eċċezzjoni. Mattew kiteb primarjament lill-Lhud, li skont id-drawwiet tagħhom, l-għerusija kienet rabta li ma tistax tmur lura minnha (mhux kif inhi għalina llum). Ir-rabta tal-għerusija kienet tinħall biss bid-divorzju. Fl-għerusija l-koppja ma kinux jgħixu flimkien. Jekk waqt l-għerusija l-mara tmur ma’ raġel ieħor kienet tkun ħatja ta’ żena (u mhux adulterju, għax l-adulterju jista’ jseħħ biss fiż-żwieġ). F’każ bħal dan l-għarus tagħha seta’ jiddivorzjaha leġittimament. Forsi Mattew isemmi din l-eċċezzjoni biex jiġġustifika l-intenzjoni ta’ Ġużeppi, li sejjaħlu ‘raġel ġust’, meta ħaseb biex jiddivorzja lil Marija malli sar jaf li hi tqila.

(3) L-appostlu Pawlu jgħid li jekk is-sieħeb jitlaq, in-Nisrani ma jibqax aktar marbut – dan ifisser li jista jerġa jiżżewweġ? ‘Jekk dak li ma jemminx jinfired, ħa jinfired: f’każijiet bħal dawn, il-ħu jew l-oħt mhumiex marbutin’ (1 Kor 7:15). Fi kliem ieħor jekk Nisrani jkun abbandunat minn martu, ma jibqax marbut u obbligat li jgħix magħha (u l-istess jekk mara Nisranija tkun abbandunata minn żewġha). B’daqshekk ma jfissirx li tista’ terġa’ tiżżewweġ għax ftit qabel kien qal li f’każ ta’ firda bejn il-koppja, ‘ħa tibqa’ ma tiżżewwiġx’.

(4) M’għandhomx dritt dawk li ma jemmnux fi Kristu li jiddivorzjaw? Jekk hux ‘dritt’ jew le, irridu nqabblu d-divorzju ma’ riġa morali perfetta: il-liġi morali t’Alla. Skont il-Mulej d-divorzju mhux ‘dritt’ imma ġej mill-ebusija ta’ qalb il-bniedem. Naturalment ħafna jagħżlu li jinjoraw ’l Alla u l-Kelma tiegħu u jagħmlu fattihom. Imma jagħmlu hekk għad-dannu tagħhom stess u tal-bqija tas-soċjeta għax il-liġi hi mogħtija minn Alla twajjeb għal ġid tagħna. Għalhekk jekk jien inħobb ’l Alla u lil għajri, jeħtieġ inwissi kontra d-divorzju u nitkellem favur l-permanenza taż-żwieġ. Min ikun separat, avolja mingħajr ħtija, ibati fuq li jbati għaliex hija ħaġa normali li il-qalb tixxennaq għall-imħabba tas-sieħba fiż-żwieġ. Madankollu jkun aħjar għalih ibati għax jagħmel is-sewwa milli ‘jgawdi’ għax jagħmel il-ħażin. Alla jibki ma’ dawn in-nies, u żgur ma jħallihomx weħidhom.

Fejn Sejrin?

Għaliex ħafna żwiġijiet qed ifallu fi żmienna? Il-bidliet fis-soċjetà u l-mentalità sekulari bla dubju qed jgħeżżu s-sisien taż-żwieġ kif ukoll il-valuri Nsara l-oħra. Qed naħsdu skont ma niżirgħu. Aħseb fuq koppja li ma jagħrfux il-qdusija taż-żwieġ, ma jitolbux flimkien, mhumiex impennjati biex jitgħallmu u jobdu l-Kelma t’Alla, ma jagħtux iż-żwieġ il-prijorità fuq kull relazzjoni oħra (inkluż it-tfal u l-familjari tagħhom, il-karriera u l-passatemp), li ma tgħallmux jitkellmu flimkien, jieħdu paċenzja u jaħfru lil xulxin, jidħqu u jibku flimkien. F’kelma waħda, koppja li barrew ’l Alla mill-familja tagħhom m’għandhom xejn x’iżommhom flimkien. Dar mibnija fuq ir-ramel illum jew għada tiġġarraf.

F’dan iż-żmien ta’ kriżi u inċertezza, għad hemm tama għaż-żwieġ! It-tama tagħna għandha tkun f’Alla. Il-Mulej iseddaq bil-qawwa u l-grazzja tiegħu lill-miżżewġin li jimpenjaw ruħhom biex jgħixu skond l-għan tiegħu.