17 December 2010

Ilqajtu lill-Iben t’Alla?

Għal ħafna nies il-Milied ifisser biss divertiment, xorb u riġali, u ftit li xejn għandu x’jaqsam mat-twelid ta’ Ġesù. Wisq agħar minn hekk, ħafna nies ma jafux ‘l Alla u ftit jimportahom mill-miġja ta’ Ibnu fid-dinja.

Dak kien id-Dawl tassew, li jdawwal lil kull bniedem li jiġi fid-dinja.
Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih; u d-dinja ma għarfitux.
Ġie fi ħwejġu u niesu ma laqgħuhx.

Il-bniedem, minħabba d-dnub, huwa kontra Alla. Tassew, kien, għadu u jibqa’ reliġjuz. Jagħti qima, imma mhux lil Alla ħaj u veru. Lil ħallieq tiegħu, lil Alla li jagħtih in-nifs u jiprovdilu għal ħajja, ma jafux u ma jħobbux. Mhux għax Alla hu moħbi. Alla wera lilu nnifsu - hu id-Dawl tassew li jdawwal lill kull bniedem li jiġi fid-dinja. Minkejja dan il-bniedem jibqa ma jagħrfux għax id-dnub għamih.

Anke meta Alla bagħat lill-Ibnu, li hu x-xbieha perfetta t’Alla li ma jidhirx, xorta waħda ma laqgħuhx Id-Dawl kien fid-dinja, imma d-dinja m’għarfitux. Saħansitra meta ġie jżur lill-poplu tiegħu, Israel, minflok merħba, niesu qamu kontrih u għajjtu, ‘Salbuh! Salbuh!’ Daqshekk id-dinja tobgħod lil Alla. Kieku jista’ l-bniedem joqtol lil Dak li għamlu!

X’jista’ jfejjaq din l-avversità tal-bniedem kontra Alla? X’jista’ jiftaħlu għajnejn?

Il-bniedem, waħdu, hu impotenti. Ma jista’ jagħmel xejn, u ma jrid jagħmel xejn biex jitħabbeb m’Alla. Kull min twieled mid-demm, bħal bnedmin sħabu, ma jemminx. Ir-rieda tal-ġisem, weħidha, tiċħad lil Alla. Ir-rieda tal-bniedem, weħidha, tkompli tirrifjutah.

Iżda lil dawk kollha li laqgħuh, tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla; lil dawk li jemmnu f’ismu: Li twieldu, mhux mid-demm, u lanqas mir-rieda tal-ġisem, u lanqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla. (Ġwanni 1:10-13)

Għall-bniedem huwa impossible, imma mhux għal Alla. Irid ikun hu li jagħti ħajja ġdida, twelid ġdid, bidu ġdid, qalb ġdida. Dawk kollha li Alla jmissilhom qalbhom, jilqgħu lill-Ibnu bil-ferħ u jemmnu fl-isem tal-Iben t’Alla. Dawk li qabel kienu għedewwa u ‘l bogħod minnu, issa jsiru wlied Alla.

M’għandhom xejn x’jiċċelebraw dawk li jibqgħu ma jemmnux, inkluż dawk li taparsi jemmnu u jgħixu bħax-xitan. Mingħajr Kristu, m’humiex ulied Alla, u m’għandhom ebda sehem fil-ferħ tad-dar tal-Missier.

Imma jekk nilqgħu lil Kristu bil-fidi, allura aħna membri fil-familja t’Alla, u għandna kull raġun nifirħu bl-imħabba li l-Missier wera magħna meta bagħat lill-Ibnu fid-dinja għall-fidwa tagħna.