23 April 2011

L-Avvanz tal-Pellegrin

L-Avvanz tal-Pellegrin hu ktieb ta' preġju dejjiemi għax is-suġġett tiegħu – ir-relazzjoni tal-bniedem m’Alla – tmiss l-istess skop tal-eżistenza tagħna. Vulur ogħla minn hekk qajla nistgħu nimmaġinaw.

Għalkemm ilu aktar minn 300 sena ippublikat, Pilgrim’s Progress għadu frisk u relevanti għalina illum. Infatti dan il-ktieb qatt ma kien out of print, u kien tradott għal aktar minn mitejn lingwa differenti. Illum għall-grazzja t’Alla għandna wkoll traduzzjoni f’ilsien pajjiżna.

L-awtur tal-ktieb, John Bunyan, kien pastor Protestant, predikatur tal-evanġelju, li minħabba l-fidi tiegħu – u l-istinazzjoni li ma riedx jiskot milli jxandar l-evanġelju – qatta aktar minn sittax-il sena l-ħabs, li dak iż-żmien kien agħar minn maqjel.

Il-ktieb huwa allegorija. Bunyan jirrakkonta ħolma li fiha jqabbel l-esperjenza spiritwali ta’ wieħed, Kristjan, ma’ vjaġġ ta’ pellegrin minn Belt il-Qerda sakemm jaqsam ix-xmara tal-mewt għall-Belt tas-Sema.

F’ċertu sens, huwa ktieb awtobijografiku, għax bla dubju John Bunyan jislet ħafna mill-esperjenza personali. Fl-istess ħin, il-ktieb jappella għad-dixxipli ta’ Kristu f’kull pajjiż u f’kull żmien, għax wara kollox l-Insara jgħaddu minn l-istess tip ta’ tiġrib. Waqt li kont qed naqrah, nammetti li kien hemm mumenti li bikkieni għax donnu kien qed jitkellem fuqi u jesprimi dak li għaddejt minnu jien.

It-traduzzjoni għall-malti hi fidila għall-oriġinali, mirquma, u miktuba bi stil mexxej. Jintużaw xi kliem diffiċli, imma dawn huma mfissra fil-footnotes. Mhux ktieb faċli – irid jinqara bil-mod u bil-ħsieb – għax tant fih rikezzi u ġid.

Kollox ma kollox, L-Avvanz tal-Pellegrin hu ktieb brillanti, il-frott ta’ snin sħaħ ta’ ħidma, talb u dedikazzjoni tal-ħabib tiegħi, Joseph Farrugia.

Is-Salib ta’ Kristu

Il-vjaġġ tal-pellegrin jinqasam f’żewġ partijiet, l-ewwel parti tibda minn Belt il-Qerda sakemm jasal sas-salib; it-tieni, mis-salib sal-Belt tas-Sema.

Niltaqgħu l-ewwel darba ma’ dan ir-raġel imbeżża’ u mwerwer minħabba t-toqol tad-dnub fuq il-kuxjenza tiegħu u l-prospett tal-qerda tal-belt li kien jgħix fija.

Ħlomt, u ara rajt Bniedem liebes iċ-Ċraret, wieqaf f’ċertu post, jagħti dahru lil Niesu, bi Ktieb f’idejh, u Toqol Kbir fuq dahru. Ħarist, u rajtu jiftaħ il-Ktieb, u jaqra fih; u waqt li qara, beka u triegħed, u billi ma felaħx iżomm aktar ġo fih, infaqa’ f’karba jgħid, “X’għandi nagħmel?”

Il-familjari tiegħu u sħabu ma fehmuhx; ħasbu li qed iħoss moħħu. Imma hu kien determinat li jaħrab. Ma kienx jaf fejn jaqbad jagħti rasu, sakemm iltaqa’ ma’ Evanġelista, li tah parir wieħed, imma tajjeb, biex imur lejn il-Bieb id-Dejjaq li jwasslu f’riġlejn is-salib ta’ Kristu.

Mela fil-Ħolma tiegħi rajt li hekk kif Kristjan wasal f’riġlejn is-Salib, it-Toqol li kien qed iġorr inħall minn fuq spallejh u waqa’ minn fuq dahru, beda jitgerbeb u baqa’ sejjer hekk sakemm spiċċa fil-bokka tas-Sepulkru, waqa’ ġo fih u ma rajtux aktar. Kien f’dan il-waqt li Kristjan ħassu kuntent u ħafif, u b’qalb mimlija ferħ qal, “Huwa tani s-serħan bin-niket tiegħu, u l-ħajja bil-mewt tiegħu.”

Sal-Belt tas-Sema

Diffiċli tesprimi bil-kliem il-ferħ li tħoss meta tikseb il-maħfra u l-ħelsien permezz tal-fidi fi Kristu. Imma dan hu biss il-bidu tal-vjaġġ.
  • Xi wħud jippretendu li ħobżhom maħbuż minħabba xi esperjenza fil-passat - għax kienu mgħammdin jew għax qalu xi talba speċjali. Konvinti li għandhom post riservat fis-sema jgħixu kif jgħixu fuq l-art.
  • Oħrajn jaħsbu li l-ħajja Kristjana hi xalata ta’ daħk, ċapċip u risk tajjeb.
  • Jerġa oħrajn, wara li kellhom esperjenza spiritwali, telqulha għal għonq it-triq weħidhom, mingħajr ebda ħsieb ta’ solidarjetà ma’ ħuthom il-pellegrini oħra.
  • U fl-aħħar, hemm oħrajn li għalkemm jisimhom Insara, huma hekk ħaġa waħda mas-soċjetà u l-kultura tad-dinja li m’hemm xejn fil-karattru u l-imġieba tagħhom li jiddistingwihom.
Hu appuntu għalhekk is-siwi tal-Avvanz tal-Pellegrin biex jgħallimna u jfakkarna dak li tisħaq fuqu l-Iskrittura dwar il-mixja tad-dixxipli ta’ Kristu. Bħalma jgħid l-appostlu Pietru – l-Insara huma barranin u għorba. Għalkemm qiegħdin fid-dinja, m’aħniex tad-dinja. Għandna tir u valuri differenti. Dan iġegħlna nirriflettu kritikament dwar il-kultura u s-soċjetà li ngħixu fiha, biex minflok ninxtorbu minnhom, inkunu aħna li ninfluwenzawhom għat-tajjeb.

Il-ħajja Kristjana mhix esperjenza ta’ mument imma vjaġġ, pelleggrinaġġ, kulltant sabiħ, imma sikwit perikoluż u diffiċli. Il-Kristjan jitla’ l-Għolja Saram, jgħaddi minn Wied ta’ Dell il-Mewt, iġarrab it-tiġrib tal-Fiera tal-Frugħa, u jaf ukoll jinqabad fit-Torri Rieb, it-torri tad-dubju.

Barra minn hekk, m’aħniex imsejħin biex nimxu weħidna, imma fil-kumpanija ta’ aħwa oħra. Kristjan isib għajnuna fil-Palazz Ġmiel, il-knisja, u jsib wens fil-kumpanija ta’ sħabu Fidil u Jittama, waqt li hu wkoll kien ta’ għajnuna għall-oħrajn.

Mill-banda ‘l oħra Kristjan kien imfixkel minn karattri bħal Paċpaċi, Formalista u Ipokrisija. Kienu jippretendu li huma pellegrini wkoll, jiġifieri li huma Nsara, imma fil-fatt kienu qabdu triq b’oħra. Twissija serja għal dawk li jipprofessaw il-fidi bil-paroli, imma fil-fatt m’humiex.

Dan mela hu l-Avvanz tal-Pelleggrin. Matul il-pellegrinaġġ hemm mumenti ta’ ferħ u niket, ta’ rebħ u telfien, ta’ għana u ta’ biki. Imma l-aħjar għadu ġej. Il-vjaġġ jwassalna għal destinazzjoni meraviljuża. Il-Ġenna sabiħa kemm tridha, imma wisq isbaħ hu Dak li hemm il-Ġenna jistenniena, li ħabbna u ta lilu nnifsu għalina, il-Mulej Ġesù. Fl-aħħar jum ta’ ħajtu, staqsew lil John Bunyan jekk kellux bżonn iġibulu xi ħaġa. ‘Ħuti, ma nixtieq xejn aktar,’ weġibhom, ‘ħlief li nkun ma’ Kristu.’

Jalla dan il-ktieb iservi biex ħafna jsibu l-ħelsien mit-tagħbija tad-dnub permezz tas-salib ta’ Kristu, u li jkun ta’ gwida, twissija u inkoraġġiment għall-pellegrini Kristjani Maltin, biex il-Mulej Ġesù jkun għalina wkoll il-ferħ, il-qawwa u l-akbar xewqa ta’ qlubna.

Kopja tal-ktieb tista' tinkiseb minn Sierra Book Distributors