23 April 2011

L-Għid it-Tajjeb

It-tfal jgħallmuni ... jekk xejn il-paċenzja, imma dan l-aħħar ibni John, li għandu tlett snin, qed jgħallimni naqra teoloġija wkoll.

Nar il-Ħadd filgħodu konna l-knisja, u waqt l-ewwel għanja, John sema’ l-kliem, ‘Ġesù li miet’. Dar fuq ommu maħsud, u b’ton inkwietat qallha, ‘Gesu miet?!’

Ma tagħtihx tort miskin. Għalimnih li Ġesù jħobbna, Ġesù jieħu ħsiebna, Ġesù magħna ... u issa Ġesù miet!

Mhux l-appostli biss tfixxklu bil-mewt tal-Imgħallem. Anke jien nitħawwad kieku Kristu miet u għadu mejjet għax miegħu tmut kull tama u kull sinifikat għall-ħajja. L-istess tgħid l-Iskrittura, “Jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom, u intom għadkom fi dnubietkom.”

Imma fl-Għid niftakru li “Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet!” John, jien u aħna lkoll nistgħu nserrħu rasna! Kristu qed jgħix, u dawk kollha li nemmnu fih, ngħixu miegħu.

Minn qalbi, l-Għid it-Tajjeb lil kulħadd.