7 December 2011

Il-Kunċizzjoni

Fit-8 ta’ Diċembru l-Knisja Kattolika Ruman tiċċelebra l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni. L-Insara Ortodossi u Protestanti ma josservawhiex, l-aktar għax il-Bibbja ma ssemmix li Marija kienet imnissla mingħajr dnub.

Madankollu dawk kollha li jemmnu fil-Bibbja ma jistgħux jinsew lil Marija, omm Ġesu’, għax kien permezz tagħha, l-omm verġni, li Alla bagħat ‘l Ibnu fid-dinja u sar bniedem. Alla għamel ħwejjeġ kbar max-xebba ta’ Nażaret, u għal dejjem ulied Alla jibqgħu isejħulha l-imbierka fost in-nisa.

Minn Marija nistgħu nitgħallmu ħafna. Hi emmnet il-kelma t’Alla, avolja ma fehemitx kif jista’ jkun li jkollha tarbija mingħajr ma tagħraf raġel. Aħna wkoll jeħtieġ nemmnu dak li qalilna Alla fl-Iskrittura: li aħna midinbin, li Ġesu’ miet fuq is-salib u qam għall-maħfra tad-dnubietna, u li jeħtieġ nafdaw is-salvazzjoni tagħna f’idejh billi nemmnu fih.

Hekk għamlet Marija. Hi rrikonoxxiet lil Alla bħala s-salvatur tagħha meta qalet, ‘L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-salvatur tiegħi.’ Aħna jeħtieġ nagħmlu bħala. Irridu nduru lejn il-Mulej u nafdaw ruħna f’idejh, bħalma tgħid l-Iskrittura, ‘Alla hekk ħabb id-dinja li ta ‘l Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja eterna.’

M’hemm ebda salvatur ħliefu. L-appostlu Pietru qal ċar u tond li ‘f’ħadd ħliefu m’hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema m’hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvati’ (Atti 4:12).

L-isem wieħed mogħti taħt is-sema li bih nistgħu neħilsu mill-Infern huwa l-isem għażiż tal-Mulej Ġesù. Għax hu waħdu Alla u bniedem. Għax hu biss il-Messija. Għax hu waħdu xerred demmu fuq is-salib biex ipatti għall-ħtijiet ta’ niesu.

Marija ma mititx għal dnubietna; kien Kristu li bil-mewt tiegħu kisbilha l-fidwa, u tagħna wkoll, jekk nemmnu fih. Għalhekk jekk bħal Marija nafdaw is-salvazzjoni tagħna f’idejn il-Mulej, imbagħad ma’ Marija nkunu nistgħu ngħidu bil-ferħ, ‘L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.’