22 December 2011

Awguri - L-Isbaħ Għotja

Qabel nidħol norqod nittawwal it-tfal reqdin f’kamarthom, u fi ftit mumenti ta’ skiet nitlob u nirringrazzja ‘l Alla għal John u Elizabeth, u għat-tarbija li qed nistennew għall-Ġunju.

Mar-rigali tal-Milied, irridu nagħtuhom l-imħabba tagħna, u fuq kollox l-isbaħ rigal, l-għotja t’Alla, lil Ibnu Ġesù:
Tweldilna tifel, ngħatalna iben;
is-setgħa tkun fuq spallejh,
u jsemmuh: Kunsillier tal-għaġeb,
Alla setgħan, Missier għal dejjem,
Prinċep tas-sliem.
Alla tana lil Ibnu biex fih insibu dak kollu li neħtieġu għal ħajjitna ...

  • l-għerf u d-direzzjoni fost l-inċertezzi ta’ madwarna, għax hu Kunsillier tal-għaġeb;
  • il-qawwa biex negħlbu kull xkiel, għax hu Alla setgħan;
  • il-ħarsien ġentili u sod, għax hu Missier għal dejjem;
  • il-paċi m’Alla u t-trankwilità fi qlubna, għax hu l-Prinċep tas-sliem.

Lilek ukoll u lill-familji tiegħek, nixtiqulkom it-tgawdija ta’ dan l-isbaħ Rigal.

Joe, Joanne
John, Elizabeth ... u l-baby