8 December 2011

Wisq TV għat-Tfal

Il-ġenituri jsibu t-televixin bħala ‘baby sitter’ konvenjenti, imma dan jaf ikun ta’ ħsara għalihom. Irridu nitgħallmu nużawh sewwa, u l-aħjar mod kif nużawh għat-tfal taħt is-sentejn huwa billi nħalluh mitfi.

L-American Academy of Pediatrics tirrakkomanda li tfal taħt is-sentejn m’għandhomx bżonn jaraw televixin. Tfal akbar jistgħu jqattgħu bejn siegħa u sagħtejn kuljum jaraw programmi adatti u edukattivi.

It-TV għandu effett negattiv fuq l-iżvilupp tal-lingwa. It-tfal żgħar li jqattgħu ħafna ħin quddiem it-TV idumu aktar biex jitgħallmu jitkellmu sew. Dan jista’ jiġri għax il-ġenituri jitkellmu u jqattgħu anqas ħin ta’ kwalità ma’ wliedhom.

Anke jekk ħadd ma jkun qed jagħti kasu, it-TV xorta waħda jfixkel. Ir-riċerka turi li meta jkunu jilgħabu, it-tfal jagħtu titwila lejn it-TV tlett darbiet kull minuta. Dan inaqqas mill-attenzjoni u l-konċentrazzjoni tagħhom fuq dak li jkunu qed jagħmlu.

Minflok it-TV, il-ġenituri u n-nanniet għandhom iqattgħu ħin jilgħabu mat-tfal, ikellmuhom, ikantaw u jaqrawlhom xi ktieb.

Naturalment il-ġenituri ma jistgħux joqgħodu mat-tfal il-ħin kollu. Imma jkun ħafna aħjar li nħallu t-tfal żgħar f’post safe jilgħabu weħidhom milli jħarsu lejn it-TV. Fil-logħob it-tfal jużaw l-immaġinazzjoni, jitgħallmu jaħsbu b’mod krejattiv u kif isolvu l-problemi.

Irridu noqgħodu attenti li t-toys li nagħtuhom jkunu adatti għall-età tagħhom, u li ma jkunux jistgħu jixirqu fihom jew iweġġgħu. Sikwit ma tridx toys speċjali. It-tfal żgħar jibdew jimitaw lill-adulti, ngħidu aħna fit-tindif u t-tisjir. Huwa biżżejjed li waqt li l-mama qiegħda issajjar, it-tifla toqgħod fl-art ‘issajjar’ hi wkoll bil-containers tal-plastik. It-tfal akbar iħobbu jpinġu, u bi ftit karti u crayons jistgħu iqattgħu ħafna ħin krejattiv.

Irrid nenfasizza l-importanza tal-qari. Il-kotba u flash cards (għat-tfal zgħar) jgħinu ħafna biex it-tfal jitgħallmu jaħsbu u jitkellmu tajjeb. Għal darba oħra, irridu noqgħodu attenti li nixtrulhom kotba tajbin u addatti għall-età tagħhom.

Tfal akbar li jqattgħu ħafna ħin quddiem l-iscreen għandhom tendenza li jkunu overweight, speċjalment jekk jieklu quddiem it-TV ukoll. Minflok jaħlu l-ħin bilqiegħda quddiem it-TV, għandna nħallu u ninkoraġġixxu lit-tfal jiġru, jitħabtu u jilgħabu bil-ballun, minbarra li noħorġuhom bil-mixi magħna sal-ħanut, passiġġata jew ħarġa sal-playing field u l-park.

M’għandux ikun hemm sett tat-televixin fil-kamra tat-tfal, u m’għandniex naraw programmi tal-aduti meta jkun hemm it-tfal magħna. Irridu nassiguraw li l-programmi u l-istazzjonijiet li jaraw ikunu adatti għall-età tagħhom. Ħafna programmi taparsi tat-tfal, inkluż cartoons, m’għandhom ebda valur ħlief li jigglorifikaw il-makabru u l-vjolenza. Dawn il-programmi għandhom effett negattiv fuq l-imġieba tagħhom. Ir-riċerka turi li dawn it-tfal huma aktar vjolenti, perikolużi u jista’ jkollhom problemi bl-irqad.

Irridu jew ma rridux, it-televixin u l-kompjuter huma parti mill-ħajja moderna. Jafu jkun ta’ għajnuna jekk nużawhom sewwa u bil-qies, imma jistgħu wkoll ikunu ta’ xkiel fl-iżvilupp u s-saħħa ta’ wliedna, u jisirqulna wkoll l-opportunità (li tgħaddi bħar-riħ) li ngawdu u ninfluwenzaw ‘l uliedna għal ġid.