8 January 2012

L-Għaqda bejn l-Insara

Il-kalċi tal-barka li aħna nbierku, mhux il-għaqda fid-demm ta’ Kristu? U l-ħobż li niksru, mhux il-għaqda fil-ġisem ta’ Kristu? 1 Korintin 10:16.

L-Ikla tal-Mulej, bħal djament prezzjuż, tista’ tħares lejha minn aspetti differenti, u tħares minn fejn tħares, din l-ordinanza hi sabiħa u brillanti.

Wieħed minn dawn l-aspetti huwa l-unita’ bejnietna l-Insara. Il-frott tad-dielja juri l-għaqda tagħna lkoll fid-demm ta’ Kristu – aħna lkoll mifdija u dnubietna maħfura bl-istess mod, bid-demm li xerred għalina. Dan hu li jgħaqqadna flimkien.

Hekk ukoll il-ħobż huwa l-għaqda tagħna fil-ġisem ta’ Kristu. Aħna magħġunin flimkien. Il-fatt li se naqsmu u nieklu minn ħobża waħda turi li aħna familja waħda, bħal donnu inġarna mal-mejda għall-ikel.

Bħal fi tfuliti, niftakar dak iż-żmien sabiħ meta jiena u ħuti konna ninġabru flimkien mal-Pa u l-Ma, madwar il-mejda tal-ikel. Jekk xi ħadd ma kienx ikun preżenti, konna nħossu n-nuqqas tiegħu.

B’ħasra ninnotaw li l-Insara mhux dejjem ġabu ruħhom flimkien f’għaqda u f’unita’. L-istess Ikla tal-Mulej kienet l-okkazzjoni ta’ firda bejn l-Insara matul l-istorja tal-knisja, u sal-lum, minħabba t-tifsiriet differenti li ngħatat. Ironinkament is-sinjal tal-unita’ ġab fost l-Insara firda u ġlied.

Ħalli ma ntennux l-istess żball. Jekk nieħdu sehem mill-ħobż u l-inbid fl-Ikla tal-Mulej, ma nistgħux ninsew l-unità spiritwali mal-Insara kollha madwar id-dinja, minkejja l-ismijiet u tradizzjonijiet differenti, għax huma lkoll mifdija bid-demm ta’ Kristu. Ħalli s-sehem tagħna fil-ħobż u l-inbid iġedded l-impenn tagħna lejn xulxin għall-għaqda, rispett, paċenzja u mħabba fraterna.