12 February 2012

Eli, Eli, lama sabaqtani?

Għajta aktar misterjuża u tal-biża’ qajla qatt ħarġet minn fomm ta’ bniedem.

Qabel Ġesù kien qal, “Missier aħfrilhom,” – dan il-kliem nifhmuh mill-ewwel għax jaqbel sew mal-qalb ħanina tiegħu.

Imbagħad lil ħalliel qallu, “Illum tkun miegħi l-ġenna.” – dan ukoll nifhmuh għax jaqbel perfettament mal-imħabba ta’ Ġesù għal midinbin.

U mill-ġdid lil Marija, “Mara, ara ibnek,” – ma setgħax jonqos li Ġesù jaħseb għal ommu għażiża biex wara t-tluq tiegħu jibqa’ jieħu ħsiebha l-appostlu Ġwanni.

Imma meta reġa’ fetaħ fommu kliemu hu qarba ta’ uġigħ u tkexkix mill-aktar profond u diffiċli wisq biex nifhmuh.

Kien is-salmista li ħafna sekli qabel kien stqarr li “Kont żagħżugħ u issa xjieħt; imma qatt ma rajt il-ġust minsi.”

Imma fuq is-salib naraw lill-Ġust, li fuqu l-Missier qal li fih ruħu issib il-għaxqa tiegħu, issa mitluq minn Alla. "Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex ħallejtni?"

F’dik is-siegħa mudlama il-Missier jitlaq lil Ibnu l-Maħbub.

Telqu għax lil dak li ma għaraf ebda dnub, Alla għamlu biex ikun dnub għalina.

Telqu għax il-Mulej tefa’ fuqu l-ħażen tagħna lkoll.

Telqu għax għajnejn il-Mulej huma wisq safjin biex iħares lejn il-ħażen.

Telqu biex lilna li nafdaw f'Ibnu, Alla jwarrabniex fid-dlam ta’ dejjem fl-infern.

Telqu għal mument biex aħna ingawdu 'l Alla għal dejjem b’Ibnu u  ma’ Ibnu, għax wara d-dlam iswed ta’ dak il-jum, sebaħ jum ġdid ta’ dawl u glorja meta  Alla qajmu minn bejn l-imwiet.