Solidarjeta' fit-Tbatija

"Imbagħad Ġesù ġie magħhom f’qasam jismu Ġetsemani u qal lid-dixxipli: Oqgħodu hawn, sakemm immur hemm u nitlob. U ħa miegħu ’l Pietru u liż-żewġ ulied Żebedew, u beda jitnikket, u jiddejjaq wisq. Qalilhom imbagħad: Imnikkta wisq ruħi; għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru miegħi." Mattew 26:36-38

Is-sħab mudlam tad-dwejjaq u t-tbatija għattew lil Sidna Ġesù. “Imnikkna wisq ruħi għall-mewt,” qalilhom, jew fi kliem ieħor, “Inħossi se mmut bid-dwejjaq li għandi.”

Fuqna wkoll jiġu mumenti meta jitla’ s-sħab sewdieni u jgħattilna x-xemx u d-dija tagħha. Ħajjitna mhix kollha ferħ, tbissim u daħk.

Fejn nistgħu insibu ftit serħan fid-dwejjaq tagħna?

Insibuh fejn sabu Ġesù.

L-ewwelnett fit-talb. Mar fil-ġnien jitlob. Mar għand il-Missier biex jitfaħ qalbu miegħu. Ma ħalliex id-dwejjaq jagħlquh fih innifsu, imma mar għand Missieru bħalma tifel żgħir jiġri lejn il-ġenituri tiegħu meta jweġġa’ jew iħossu beżgħan.

Ġesù fittex ukoll il-kumpanija ta’ ħbiebu. Ħadhom miegħu fil-ġnien. Lill-ħbieb tal-qalb, riedhom ħdejh.

Il-preżenza u t-talb ta' ħabib huma wens għall-qalb miġugha. M’hemmx bżonn wisq kliem. Bizzejjed tpoġġi bilqiegħda ħdejn l-imnikket, titlob u tibki miegħu.