Bidu Tajjeb għall-Ikel tat-Trabi

Ibda b’ikel artab bħal ħaxix (patata, karrotti, qarabagħli) magħsur. Meta t-tarbija tidhra l-ħaxix, żid il-frott ukoll. Tista’ wkoll tagħti ċereali tat-trabi li jkunu iron-fortified. Itma’ ċ-ċereali b’kuċċarina u mhux fil-flixkun tal-ħalib. Tista’ wkoll iżżid iċ-ċereali mal-ħaxix u frott magħsur.

Għall-bidu għasar l-ikel bi blender, imma sa tminn xhur aqleb għal ikel mgħaffeġ b’furketta, mqatta’ biċċiet żgħar u finger foods (ngħidu aħna rusks jew biċċa patata jew frotta). B’hekk it-tarbija titgħallem tomgħod. Dan jgħin ukoll fl-iżvilupp tat-taħdit. Ara li ma twerwirx lit-tarbija bil-ħarsa tiegħek għax tibża’ li tixraq!

Minn sitt xhur ibda’ l-laħam, magħsur mal-ħaxix, għaliex il-laħam huwa sors tajjeb ta’ ħadid. Il-pulses ukoll huma sors ta’ ħadid. Minn tminn xhur ibda qatta’ l-laħam f’biċċiet żgħar ħafna. Ara li jkun msajjar sewwa (stew jew casserole) biex ma jkunx iebes.

Ħafna toddlers ma jieħdux ħaxix. Tagħtihomx ħaxix li għandu riħa. Inkludi ammont żgħir ta’ piżelli, corn u patata fil-platt. Daħħal il-ħaxix f’zalza tad-tadam, froġa u ikel ieħor. Għamel dips u spreads tal-ħaxix.

Fil-flixkun agħti ħalib u ilma biss. Tagħtix meraq tal-frott fil-flixkun, imma f’beaker (minn xi 8 xhur ‘l quddiem). Traqqadx lit-tarbija bil-flixkun f’ħalqha (dan jikkawża infezzjonijiet fil-widna u taħsir ta’ snien). Wara sena tibqax tuża l-flixkun u l- gażaża, imma agħti l-likwidi minn beaker jew tazza u straw.

Aħdem għal attitudni tajba waqt il-ħin tal-ikel. Tistforzax lit-trabi u tfal żgħar jieklu aktar milli jixtiequ. Minn età żgħira ħallihom imissu l-ikel u jieklu b’idejhom jew kuċċarina – avolja jagħmlu mess! Trid ħafna paċenzja għax it-tfal jieklu bil-mod - tant l-aħjar għax jitgħallmu jiggostaw l-ikel u ma jeħxienux.