20 March 2012

1. L-Evanġeliċi: Min Aħna

Nissejħu ‘evanġeliċi’ għax smajna u ħaddanna l-evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu. “Fih intom ukoll fdajtu, wara li smajtu l-kelma tas-sewwa, l-evanġelju tas-salvazzjoni tagħkom” (Ef 1:13)

Ħadna bis-serjetà l-Iskrittura. Sirna konvinti li hi tassew il-Kelma t’Alla. Warrabna r- reliġjonijiet u filosofiji umani, u ftaħna widnejna għall-messaġġ tal-Bibbja.

Mill-Iskrittura sirna konxji mill-qagħda miskina, marida u mjassra ta’ ruħna.  Ħadna d-dnub bis-serjetà u bżajna mill-konsegwenzi li jġib miegħu. Qtajna jiesna li aħna kapaċi neħilsu minnu b’ħilitna.

Fl-Iskrittura sibna tama ġdida fl-Evanġelju - tama mibnija fuq l-Iben t’Alla, li l-Missier bagħat biex jeħles il-poplu tiegħu minn dnubiethom. Sar bniedem, għix f’ubbidjenza perfetta, miet għal dnubietna, u qam rebbieħ fuq il-mewt. Ħadna lil Ġesu Kristu bis-serjetà, emminna fih u afdajna s-salvazzjoni ta’ ruħna f’idejh ... u ħajjitna ħadet direzzjoni ġdida.

Alla ħafrilna, tana qalb ġdida, għamilna wliedu, u qiegħed jaħdem fina bl-Ispirtu s-Santu biex jibdilna fix-xbieha ta’ Ibnu.

Irridu nitgħallmu nobdu u nħobbu aktar u aktar. Irridu nitgħallmu nafdawh f’kollox, fis-sabiħ u l-ikraħ tal-ħajja. Irridu nittamaw bis-sħiħ fi Kristu, li wara dan il-pelleġġrinaġġ qasir, nkunu miegħu għal dejjem.

Jogħġobna l-laqam ‘evanġeliċi’ għax bl-evanġelju iltqajna ma’ Kristu, u fih sibna l-maħfra u l-ħajja ta’ dejjem. Tassew Ġesù huwa kollox għalina.