29 March 2012

Sejf Jinfidlek Ruħek

Min jista’ jifhem it-tbatija u d-dulur ta’ Marija waqt li Binha kien imdendel mal-għuda, hu li ħlief ġid m'għamilx!

Minkejja l-privileġġ uniku li tkun omm Kristu, Marija ma kienitx eżenti mit-tbatija. Hi emmnet f'Alla u l-kelma tiegħu, imma xorta waħda batiet tant.

L-istess aħna l-Insara - minkejja li nemmnu bis-sħiħ u nissejħu wlied Alla, f’din id-dinja m’aħniex meħlusin mill-hemm u s-saram ta’ kull xorta.

Min jaf kemm ħutna Maltin, ommijiet u missirijiet, illum qed isofru fis-skiet minħabba li wliedhom għandhom xi kundizzjoni jew marda serja.

Madankollu t-tbatija ta’ Marija ma kienx sinjal ta’ disprament. Minħabba t-tbatija u l-mewt ta’ Binha, għal Marija u għal dawk kollha li bħalha jemmnu fih, it-tmiem hu feliċi. Kristu miet biex jeħlisna minn dnubietna u jagħtina t-tama tal-ħajja ta’ dejjem. Alla għad jimsaħ kull demgħa minn għajnejna.