11 April 2012

3. L-Evanġeliċi : X’Għandna Nkunu

Ladarba għarafna l-evanġelju fil-verità, ladarba nafu kemm hu ikraħ id-dnub, u ladarba fi Kristu ksiba l-maħfra u qalb ġdida, x’għandna nkunu u kif għandna nġibu ruħna aħna l-Evanġeliċi?

Messna nkunu l-aktar qaddisa fil-ħsibijiet u l-imġieba tagħna, jew fi kliem ieħor, li nkunu nixbħu ‘l Alla l-Missier. “Bħalma hu qaddis dak li sejħilkom, hekk kunu intom ukoll qaddisin ukoll fl-imġieba tagħkom kollha, għax hu miktub: Kunu qaddisin, għax qaddis jien” (1 Pt 1:15, 16). Lilna l-Missier adottana fil-familja tiegħu, bagħat l-Ibnu biex imut għalina, u tana l-Ispirtu tiegħu biex jgħammar fina, m’għandiex ukoll inħobbu dak li jħobb hu, u nobgħodu dak li jobgħod hu? M’għandniex nħobbu s-sewwa u l-ġustizzja, u nobgħodu d-dnub u l-ħazen? It-tfal zgħar għandhom ħabta jikkopjaw l-imġieba tal-ġenituri tagħhom. M’għandiex aħna nsiru nixbħu lil Missierna fis-smewwiet?

Messna nkunu l-aktar nies li nħobbu bil-qalb. Inħobbu għax irċivejna mħabba bla qies. “Maħbubin, jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu ‘l xulxin” (1 Ġw 4:11). Għandna naħfru mill-qalb, ladarba Alla ħafrilna dejn wisq akbar. Għandna nuru sabar u kompassjoni ma xulxin fid-dgħufijiet tagħna, għax Alla wkoll, anke wara li salvana, jibqa’ jieħu paċenzja kbira matul ħajjitna. Għandna ngħinu lil xulxin fil-bzonnijiet li jkollna, bħalma Missierna ta’ kuljum, jiprovdielna l-ħobzna ta’ kuljum u grazzji fuq grazzji.

Fl-aħħar, l-Evanġelċi għandna nkunu l-aktar nies ferħana fid-dinja. Mhux li ma nħossux l-uġigħ u ma nibkux ukoll. Il-ħajja f’din id-dinja hi taħlita ta’ ħelu u morr. Imma aktar minn kulħadd, aħna għandna kull raġun inkunu ferħanin. Kif ma nifirħux meta niftakru li Alla ħafrilna dnubietna kollha! Bħal żewġ żgħażagħ li għadhom kemm skoprew l-imħabba, hekk aħna nifirħu fil-Maħbub tagħna, Ġesu’ Kristu.

Meta nsiefer ikolli seba’ mitt sena biex nerġa lura d-dar ma’ marti u wliedi. Meta nasal l-il-lukanda ndendel l-ingravajjet – waħda għal kuljum. Meta tibqa ingravata waħda nifraħ għax inkun ifisser li sejjer id-dar. Meta nasal l-airport ngħaddi niġri mill-Arrivals u barra jistennewni jkun hemm Joanne u t-tfal. ‘Papa!’ – u  jiġu jiġru jgħannquni. Mument  maġiku.

X’inhu l-agħar li jista’ jiġrili f’din id-dinja? Mhux li mmut? Imma ara kif l-evanġelju bidel anke l-agħar esperjenza umana. Il-mewt saret it-titjira biex niltaqgħa mal-Maħbub tieħu. Bir-raġun tgħidilna l-Iskrittura, “Ifirħu dejjem fil-Mulej: u nerġa’ ngħid: Ifirħu” (Fil 4:4).