5 April 2012

Il-Ħuta fl-Ewwel Għid

Hawn kemm trid nies mzazen. Jibilgħu kollox. Jemmnu kull stramberija u kull ħmerija. Mhux hekk kienu l-appostli.

Għalkemm Ġesù kien qalilhom kemm-il darba li kellu jmut u wara tlett ijiem jerġa’ jqum, ma setgħux iniżżluha. Mal-mewt u d-difna tiegħu, indifnet ukoll kull tama li kellhom. Pietru kien diġà beda jipprepara biex imur lura għas-sajd.

Qabel deher lill-appostli, Ġesù deher lil Marija u liż-żewġ dixxipli ta’ Emmaws. Dawn marru jagħtuhom l-aħbar, imma l-appostli m’emmnuhomx.

Kellu jiġi Ġesù personalment fosthom. Xorta waħda m’emmnux mill-ewwel. Twerwru għax ħasbu li raw fantażma. Bis-sabar kollu, Ġesù stedinhom biex imissuh u jħossu l-għadam tiegħu. Talabhom xi ħaġa tal-ikel, u kiel il-ħuta li ġabulu quddiemhom.

Dakinhar Tumas ma kienx magħhom. Wieħed jistenna li kellu jemmen ix-xhieda tal-10 dixxipli sħabu. Imma le, ma tarax! Ried jara u jmiss  hu stess b’idejh biex jemmen!

Le, ma kienux mzazen l-appostli. Emmnu biss għax tant kellhom provi fuq provi! Imma ladarba kienu konvinti minn din il-verità inkredibbli, ħarġu jxandru lil kulħadd li Ġesù qam mill-mewt. Ħadd u xejn ma seta’ jagħlqilhom ħalqhom, la bil-persekuzzjoni u lanqas bis-sejf. Kienu lesti li jmutu għall-verita’ li messew b’idejhom.

L-appostli huma xhieda kredibbli; aħna noqgħodu fuq it-testimonjanza tagħhom li Ġesù miet u reġa’ qam. Ġesù qed jgħix u ladarba hu ħaj, aħna għandna t-tama tal-ħajja ta’ dejjem. Halleluljah!