9 April 2012

2. L-Evanġeliċi: X’Maħniex

Żgur li m’aħniex perfetti! Tassew, nemmnu fi Kristu u fit-tagħlim tal-Iskrittura, aħna lkoll membri fil-knisja tiegħu, maħfurin, u rridu ngħixu f’ubbidjenza lejh.

Imma bl-edba mod ma nistgħu ngħidu li wasalna. Il-Bibbja tgħid li fi Kristu “il-bini kollu mgħaqqad tajjeb flimkien jikber f’tempju mqaddes fil-Mulej: li fih intom ukoll mibnijin flimkien biex tkunu l-għamara t’Alla permezz ta’ l-Ispirtu” (Ef 2:21, 22). Qisna sit ta’ kostruzzjoni. Qed ninbnew. Għad fadal twieqi u biebien miftuħin, ġebel u terrapien, u kmamar bla saqaf. Għandna m’aħniex lesti.

M’aħniex perfetti fit-tagħlim. Naf xi ħaġa mit-tagħlim tal-Iskrittura, imma hemm ħafna li ma nafx, u l-ftit li naf huwa mħallat b’ideat umani u żbalji. Fost l-evanġeliċi hemm qbil fuq id-dottrini ewlenin, imma hemm differenzi kbar fuq id-dottrini tal-grazzja, fuq l-ordinanzi u l-amminstrazzjoni tal-knisja, fuq id-doni spiritwali u fuq il-profezija. Evidentament l-Evanġeliċi m’humiex nieqsa minn tagħlim żbaljat.

M’aħniex perfetti fil-kommunjoni bejnietna. Mhux biss minħabba d-denominazzjonijiet differenti, imma anke fuq livell ta’ knisja lokali, sikwit issib tensjoni, pika u ġlied.

M’aħniex perfetti moralment. L-aktar qaddisa fost ulied Alla jitolbuh kuljum għal maħfra fl-istess nifs li jitolbuh għall-ħobżna ta’ kuljum. Il-ħajja ta’ ħafna evanġeliċi bilkemm tingħaraf minn ta’ dawk li ma jemmnux fi Kristu. Tassew l-Insara huma suġġetti għad-dgħufija u għal dnubiet, kultant kbar!

Din hi r-realtà li tumiljana u ssewwdilna qalbna. Madankollu l-Mulej Ġesu’ Kristu xorta waħda jilqagħna. Fl-aħħar ċena Ġesù ħaddan miegħu lid-dixxipli tiegħu, avolja kien jaf li għad fadlilhom għanqbut ta’ tagħlim ħażin f’moħħhom, li sikwiet kienu jitlewmu bejniethom, u li dalwaqt kienu se jiċħduh u jaħarbu fis-siegħa tal-prova. L-istess jilqa’ lilna bid-difetti kollha tagħna.

Dan ifisser li aħna wkoll għandna nilqgħu lil xulxin, nuru sabar u kompassjoni ma xulxin. Mhux li nippermettu d-dnub u l-errur. Imma biex nagħrfu nibnu lil xulxin bl-imħabba. It-Tempju ħaj qiegħed jinbena u għad jitlesta - finalment se jkun sabiħ tajjew! Dan hu xogħol il-Mulej.