20 May 2012

Lil Kristu Sallabnih Aħna?


M’hemmx xi ngħidu: lil Kristu sallabnih aħna l-bnedmin. M’għamel xejn ħlief ġid, imma sab min jgħir għalih u jobgħodu, u l-għedewwa tiegħu baqgħu sakemm arrestawh, għaddewh ġuri taparsi, u qatluh.

Imma dan ifisser li ma kienx Alla l-Missier li bagħat lil Ibnu biex imut għalina? Jew ifisser li Ġesù miet għax sallabih aħna, u mhux għax ried hu?

Kristu seta’ faċilment ħeles mill-għedewwa tiegħu. Ma kellux bżonn is-sejf ta’ Pietru, anzi lil Pietru waqqfu u widdbu, ‘Kif mela sseħħ l-iskrittura, li hekk jeħtieġ isir?’ Ġesù seta’ talab, u l-Missier kien jibgħatlu armata ta’ anġli jiddefenduh. Imma m’għamilx hekk.

Lil dawk li ġew jaqbduh ċanfarhom għall-bluha tagħhom għax ġew armati sa snienhom qishom għal xi brigant vjolenti. Ħallihom jaqbduh mingħajr ma offra ebda reżistenza. San Mattew jikkummenta li dak kollu ġara ‘biex isseħħ l-iskrittura tal-profeti’ (Mattew 26:51-57).

Ġesù mar lejn is-salib volontarjament. Mar għax ried hu. Mar biex iwettaq il-pjan miktub minn qabel. L-arrest u l-mewt tiegħu kienu mħabbrin minn qabel fl-Iskrittura Mqaddsa.

Pietru fehem sewwa li l-mewt ta’ Kristu kienet ippjanata minn Alla. Ftit ġimgħat wara, f’Pentekostè, San Pietru qam u qal lil Lhud, ‘Lil dan Ġesù, Alla telaqhulkom f'idejkom skond l-għerf u l-pjan li fassal minn qabel, u intom neħħejtuh billi sallabtuh permezz ta' nies ħżiena’ (Atti 2:23).

Dawn iż-żewġ veritajiet, bħal binarji ta’ ferrovija, ma jeskludux lil xulxin. L-ewwel, il-Lhud qabduh u sallbuh; il-ħtija hi kollha tagħhom. Fl-istess waqt, bla ma kienu jafu, huma kienu qed iwettqu l-fehma li ma titbiddilx u l-għarfa minn qabel t’Alla.

Tassew, Kristu wettaq il-pjan etern t’Alla billi volontarjament ta ħajtu b’fidwa għal ħafna, minkejja l-mibgħeda u  l-oppożizzjoni tal-bniedem.