X’Għandha Tiekol l-Omm Waqt li Qed Tredda’


L-omm li tredda’ għandha bżonn aktar enerġija u nutrimenti; huwa importanti li dawn jiġu minn ikel bnin u nutrittiv, u mhux minn ħlewwiet, żokkor u junk food.  Dieta tajba hija importanti sabiex l-omm terġa’ tieħu saħħitha wara l-ħlas, il-piż jerġa’ jiġi għan-normali aktar malajr u l-ħalib ikun ta’ kwalità tajba.

L-ammont ta’ ħalib ftit li xejn huwa affetwat mid-dieta tal-omm; is-sider jipproduċi ħalib skond kemm it-tarbija jkollha bżonn. Meta t-tarbija tixrob aktar, is-sider jibda jipproduċi aktar ħalib (‘demand and supply’). Għalhekk hu importanti li t-tarbija tiqba’ fuq il-ħalib tal-omm biss mingħajr ma żżid il-ħalib tat-trab.

Huwa importanti wkoll li tistrieħ kemm tista’ bil-lejl u matul il-jum. Ir-raġel u l-qraba jistgħu jgħinuk billi jagħtu daqqa t’id fit-tisjir, tindif, ħasil u xogħol tad-dar. Tajjeb ukoll li toħroġ passiġġata jew dawra bil-karozza kuljum biex tara l-arja ta’ barra u tbiddel l-ambjent.

Dieta Bilaċjata
Qassam l-ikel f’ħames jew sitt ikliet matul il-jum. Id-dieta għandha tkun bilanċjata u varjata billi tinkludi

  1. Ħaxix u frott
  2. Ħobż u ċereali ‘wholemeal’ (ħobż ismar, rye-crackers, ross ismar, barley, couscous, oats)
  3. Laħam dejf u ħut (diversi drabi fil-ġimgħa, speċjalment ħut żejtni bħas-salamun)
  4. Legumi (piżelli, għazz, fażola, ċiċri) u lewż
  5. Ħalib u prodotti tal-ħalib
  6. Żejt taż-żebbuġa
Kuntrarju għal dak li jingħad sikwit, m’hemm ebda ikel li ma tistax tiekol. Jissemmew il-ħaxix, il-larinġ, il-ħalib, il-mushrooms u oħrajn. Fil-fatt tista’ tiekol minn kollox, f’ammonti moderati. Jekk tissusspetta li ċertu ikel qed jagħmel ħażin lit-tarbija, waqqfu għal ftit ġranet u ara x’jiġri.

Huwa importanti li tinkludi ħalib u prodotti tal-ħalib (ġobon, butir, jogurt, rikotta) minħabba l-kalċju. Is-salamun, brokkoli, lewż u ġellewż huma wkoll sors tajjeb ta’ kalċju.

Jekk tieħu dieta bilanċjata, tkun qed tieħu biżżejjed vitamini u minerali għalik u għat-tarbija. Madankollu, ma tagħmilx ħażin li tkompli tieħu s-supplimenti li kont tieħu waqt it-tqala.

L-Ilma
Ixrob biżżejjed ilma frisk biex ma tħossokx bil-għatx, imma tixrobx iżżejjed li tħossok se tinfaqa’. Evita l-luminati minħabba l-ħafna żokkor li fihom (bott ta’ 500 ml fih tnax il-kuċċarina żokkor).

L-Alkoħol
L-alkoħol jgħaddi fil-ħalib u għandu effett fuq it-tarbija u fuq l-oxytocin li jirregola l-flow tal-ħalib. L-aħjar ma tixrob xejn, imma jekk tieħu, illimita l-ammont għal tazza inbid darba kultant.

Il-Kafeina
Il-kafeina ssibha fit-kafé, té, cola, u ċikkulata, u tagħmel it-tarbija nervuża u diffi ċli biex torqod u tixrob. Illimita dawn ix-xarbiet u ċ-ċikkulata, jew jekk hemm bżonn waqqafhom għalkollox.

It-Tipjip
It-tipjip iżid ir-riskju ta’ cot death, infezzjonijiet u allerġija (avolja ma tpejjipx ħdejn it-tarbija). In-nikotina u valeni oħra fis-sigaretti jgħaddu fil-ħalib u jistgħu jikkaġunaw sintomi bħal remettar, uġigħ ta’ żaqq u dijareja fit-tarbija. L-omm għandha tagħmel ħilitha biex twaqqaf it-tipjip sakemm qed treddgħa. Jekk l-omm ma tistax tieqaf kompletament, għandha tnaqqas kemm jista’ jkun, u tpejjep wara li tkun sqiet lit-tarbija. Ħadd m’għandu jpejjep ġewwa d-dar jew viċin it-tarbija.

Mediċinali
Jekk timrad jew jitlagħlek id-deni, kompli redda’ lit-tarbija biex ma jaqbadhiex l-istess marda jew tgħina tfieq aktar malajr. Tista’ tieħu paracetamol għal xi uġigħ jew deni, imma staqsi lit-tabib jew midwife qabel tieħu mediċini oħra.