8 August 2012

It-Tilqim tal-Hepatitis A u B


Il-Hepatitis

Il-hepatitis hi infezzjoni fil-fwied. Hemm diversi mikrobi li jistgħu jinfettaw il-fwied, fosthom l-HAV (Hepatitis A virus) u l-HBV (Hepatitis B virus).

Is-sintomi tal-marda jinkludu suffejra, pipi skura, deni, dardir, dijareja, għejja, telqa u uġigħ ta’ żaqq.

Il-hepatitis A ddum ftit ġranet jew ġimgħat, u l-pazjent ifieq kompletament. Minn naħa l-oħra, il-hepatitis B tista’ tkun marda kronika, tagħmel ħsara permanenti u tista’ twassal għall-kanċer tal-fwied.

Il-hepatitis A mhix marda daqshekk serja imma hi aktar komuni għax tinxtered faċilment mill-ikel, idejn u oġġetti ikkontaminati. Il-hepatitis B tinxtered minn labar ikkontaminati u kuntatti sesswali.

Prevenzjoni

Il-ħasil ta’ l-idejn qabel l-ikel u wara l-użu tat-toilet inaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni tal-hepatitis A u mard ieħor. It-tilqima kontra l-hepatitis A tagħti l-aħjar protezzjoni, speċjalment jekk qed tippjana biex ssiefer fl-Amerika t’Isfel, l-Afrika, l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja. It-tilqima kontra il-hapatitis B hi rikomandata għat-tfal kollha, u għall-adulti li qegħdin f’riskju minħabba x-xogħol jew l-imġieba tagħhom.

Tilqim

Id-Dipartiment tas-Saħħa joffri t-tilqima kontra l-hapatitis B, Engerix B, b’xejn, lit-tfal kollha. Il-kors jikkonsisti fi tlett titqibiet: ta’ 12-il xahar, 13-il xahar (mal-MMR) u ta’ 18-il xahar (mal-booster tal-5-in-1).

It-tilqima tal-hepatitis A jisimha Havrix Pediatric u tingħata f’darbtejn, b’sitt xhur bejn l-ewwel u t-tieni titqiba. L-aħjar tingħata bejn l-ewwel u t-tieni sena, imma tista' tingħata wkoll fit-tfal akbar.

Hemm tilqima oħra, Twinrix Pediatric, li tiġbor fija l-vaċċin tal-hepatitis A u l-B flimkien, u tingħata bejn l-ewwel u t-tieni sena fi tlett darbiet. B’hekk jingħataw tlett titqibiet minflok ħamsa biex titlaqqam kontra ż-żewġ forom tal-hepatitis.

Wara t-tilqima xi tfal ikollhom nefħa u ħmura fejn tkun ingħatat it-tinġiża; oħrajn ikollhom ftit deni u uġigħ ta’ ras fil-jiem ta’ wara. Il-parti l-kbira ma jkollhom ebda side effect. M’hemmx għalfejn tagħti paracetamol jew Nurofen jekk it-tifel jew it-tilfa ma jkunux imdejjqin bl-uġigħ jew bid-deni.

It-tilqim tal-hepatitis jagħti protezzjoni fit-tul għall-ħajja kollha.