Il-'Button Batteries' huma Perikolużi għat-Tfal


Il-batteriji iż-żgħar (‘button batteries’) li jintużaw fl-arloġġi tal-idejn, toys u apparat elettroniku ieħor, jistgħu jkunu ta’ periklu għat-tfal, speċjalment tfal taħt it-tlett snin, peress li jistgħu jibilgħuhom jew jixirqu fihom

Ħafna drabi l-batterija tibqa’ għaddejja mill-musrana mingħajr ebda ħsara, imma kultant teħel fil-pajp tal-ikel (l-esofagu). Minnha toħroġ kimika (hydroxide) li taħraq jew ittaqqab l-esofagu, u l-komplikazzjonijiet jistgħu ikunu kbar. Kien hemm tfal żgħar li mietu minħabba f’hekk.

Is-sintomi jistgħu jkunu qtugħ ta’nifs jew diffikultà biex jibla’ l-ikel, imma jista’ jkun ukoll li ma jkun hemm sintomi ta’ xejn speċjalment fl-ewwel sigħat. Għalhekk jekk biss tissuspetta li t-tifel seta’ bela’ waħda minn dawn il-batteriji, kellem lit-tabib jew ħudu l-isptar biex jittieħed x-ray. Il-kura fil-pront tagħmel id-differenza kollha.

Tħallix batteriji żgħar fejn jistgħu isibhom it-tfal. Ara li l-batteriji fit-toys u apparat ieħor m’humiex aċċessibbli għat-tfal.