23 September 2012

Majestà

Ir-reliġjużi Lhud riedu jeħilsu minn Ġesù għax ma emmnux li huwa l-Messija, Bin Alla. Peress li huma ma kellhomx is-setgħa jagħtu l-piena kapitali, ħaduh quddiem Pilatu, il-gvernatur Ruman. Akkuzawh li hu s-Sultan tal-Lhud, bħallikieku ried jagħmel xi rvell kontra r-Rumani.

Għall-mistoqsija ta’ Pilatu, Ġesù ikkonferma li hu s-Sultan, u ma ipprovax jiddefendi lilu nnifsu mill-akkuzi fieragħ tal-għedewwa tiegħu.

Tassew Ġesù huwa s-Sultan tal-Lhud. Imma huma ma riduhx isaltan fuqhom; ma ridux ir-renju ta’ sliem u ġustizzja tiegħu.

Illum aħna nirrikonoxxu lil Ġesù mhux biss bħala Sultan tal-Lhud, imma s-Sultan tas-slaten, bis-setgħa kollha mogħtija lilu fis-sema u fl-art. Hu s-Sultan li jmexxina, jiddefendina u jegħleb l-għedewwa kollha. Aħna bil-qalb kollha nissottomettu u noqgħodu għas-setgħa tiegħu fuqna.

Fl-antik in-nies kienu jgħajjtu “Viva r-Rè!” biex issellmu lis-sultan tagħhom. Kemm aktar aħna l-Insara messna ngħajjtu bil-ferħ, “Viva r-Rè!” Ġesù li darba ippermetta lilll-għedewwa tiegħu jaqbduh, jgħadduh ġuri falz u joqtluh, qam mill-mewt! Is-Sultan tagħna hu ħaj u qed jirrenja minn fuq it-tron tiegħu fis-sema fuq in-naħa tal-lemin tal-Missier. Waħda mill-għanjiet favorita tagħna hi bla dubju ta' xejn, Majestà!

Majestà, qimu lill-Majestà,
Iva 'l Ġesù tuh glorja, unur u ġieħ.
Majestà, awtorità rjali, minn fuq it-tron
Tasal s’għandna, tifħir għalih.
Eżaltaw, għolli 'il fuq l-Isem ta’ Kristu,
Aduraw, glorifikaw lil Kristu s-Sultan.
Majestà, qimu lill-Majestà,
Ġesù li miet, glorifikat, Re tar-rejiet.