14 November 2012

Il-Liġi tal-IVF

Bħalissa fil-Parlament qed tiġi diskussa l-liġi dwar l-IVF. Irid jinstab bilanċ bejn li nagħtu ċans tajjeb lill-koppji li jkollhom tarbija, u li nħarsu l-ħajja umana mill-bidu u tat-trabi li jitwieldu.

Għalhekk l-Maltese Paediatric Association tinsisti li għandu jkun hemm massimu ta' żewġ embrijuni li jistgħu jiġu trasferiti fil-ġuf tal-omm. Huwa importanti li nillimitaw r-rata ta' triplets peress li nafu li dawn għandhom riskju  kbir ta' twelid qabel iż-żmien, brain damage u saħansitra mewt.

Madankollu jista' jkun hemm każijiet, ngħidu aħna meta l-età tal-mara jkun qrib l-erbgħin sena, li l-probabilità ta' tqala tonqos sew, u f'dawn iċ-ċirkostanzi huwa ġustifikat li jiġu trasferiti tlieta.

Il-liġi għandha tipprovdi għal dawn l-eċċezzjonijiet, filwaqt li tibqa' tillimita n-numru għal tnejn fil-bqija.

Ma jkunx sew li l-liġi tħalli kompletament f’idejn it-tobba. Huwa importanti li jkun hemm regoli ċari kif hemm f'pajjizi oħra. It-tobba li jaħdmu sewwa żgur japprezzaw linji gwida bħal dawn.

Nittama li jintlaħaq ftegħim bejn it-tobba u anke bejn il-politiċi fuq din il-liġi biex nagħtu tama ġdida lil ħafna koppji li jħaddnu tarbija b'saħħitha f'dirgħajhom.