24 November 2012

L-Ewkaristija - Il-Gratitudni u l-Ferħ

Ejjew ħa ngħannu lill-Mulej: ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna. Ħa nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr; ħa ngħannulu salm bil-ferħ. (Salm 95:1, 2).

Min jagħti għotja jieħu gost u min jirċievi jieħu gost ukoll. Jifraħ għax ikun qala għotja u jifraħ l-aktar għax japprezza l-ġest u l-imħabba ta’ min kien ġeneruż miegħu. Grazzi fuq il-fomm u l-gratitudni fil-qalb huma ingredjenti ewlenin għall-ferħ f’ħajjitna.

Sfortunatament hawn nies li jirċievu mingħajr emozzjoni, bħal ma jafu jlissnu grazzi, bla ma jħossu ebda gratitudni. Jippretendu wisq u qatt m’huma kuntenti. X’imkien qrajt, ‘If you never learn the language of gratitude, you will never be on speaking terms with happiness.’

Nistaqsi, Aħna nies grati? Napprezzaw l-għotjiet li jagħtina Alla? – in-nifs li nieħdu, il-ħobżna ta’ kuljum, is-saħħa f’ġisimna, l-imħabba tal-familja u l-ġid li għandna? Qiegħdin nirringrazzjaw mill-qalb?

Wieħed mill-ismijiet bibbliċi tal-Ikla tal-Mulej huwa ‘Ewkaristija’ – kelma mill-lingwa griega li tfisser ‘radd il-ħajr, ringrazzjament’. L-Ikla hi okkazzjoni sabiħa biex niftakru fil-grazzja t’Alla għalina u nirringrazzjawh minn qalbna għal dak li għamel magħna fi Kristu. Għalina li ma ħaqqna xejn, Alla bagħat lil Ibnu biex jeħlisna mill-kastig li kien jixraqilna, u jiksbilna l-jedd li nsiru wlied u werrieta t’Alla. L-għotja t’Alla hi l-ħajja ta’ dejjem fi Kristu Ġesu.

Aħna l-Insara messna nkunu l-aktar nies grati – u allura l-aktar nies ferħana – fid-dinja!