24 November 2012

L-IVF u l-Abort

Illum qrajt storja f'waħda mill-ġurnali l-istorja tal-omm li welldet tlett itfal li kienu mnissla b’IVF. Kellha x-xorti li jkollha tqala mingħajr wisq problemi u tlett itfal qishom anġli b’saħħithom. Bħalha hawn ħafna ġenituri oħra li grazzi għall-IVF qed irabbu tfal b’saħħithom.

Issa li l-liġi dalwaqt tgħaddi mill-Parlament, ikun jonqos li malajr kemm jista’ jkun, dan is-servizz jibda jingħata wkoll fl-isptar Mater Dei biex il-koppji kollha jingħataw iċ-ċans li jkollhom tarbija.

Mhux tassew li l-IVF huwa xi forma ta’ abort. Għal kuntrarju, l-IVF hu maħsub biex jagħti l-ħajja. Irridu ngħidu wkoll li kif inhu prattikat barra minn Malta l-IVF sikwit iwassal għall-mewt ta’ embrijuni peress li jkunu ffertizzati ħafna bajd, jintgħażlu l-aħjar embrijuni u l-oħrajn jiġu skartati jew friżati. Ħafna mill-embrijuni li jiġu friżati ma jintużaw qatt u eventwalment imutu. Il-liġi ta’ Malta kienet maħsuba biex tħares il-ħajja umana mill-bidu.

Barra minn hekk l-istess liġi taħseb biex il-ġenituri prospettivi jingħataw counselling tajjeb qabel jidħlu għal din il-proċedura. Huwa importanti li jkunu jafu bir-riskji għall-omm u għat-tarbija, speċjalment jekk l-IVF iwassal għal-twins u triplets. Ma tistax toqgħod fuq każ individwali għax mhux kulħadd tiġih tajba. Il-koppji għandhom kull dritt li jieħdu deċiżjoni informata.