1 December 2012

Stedina għall-Ikel


Meta kont żgħir mhux dejjem kont nobdiha lil ommi, imma meta kienet issejjħilna, ‘Ejjew kulu,’ bilkemm tkun laħqet spiċċat il-kelma li ma ssibnix bilqiegħda mal-mejda.

Għalhekk ma nifhimx l-apatija ta’ ħafna nies li minkejja li jisimgħu l-evanġelju, jibqgħu passivi, ma jimportahomx mill-istedina tal-Mulej. Imma għaliex? Żgur li mhux għax mhix aħbar tajba. Il-Mulej jistieden lil kulħadd  għall-pranzu kbir b’xejn, bla ħlas.

Għaliex mela ma jiġux? Forsi għax huma wisq imħabbtin? Jew għax ma jisimgħux leħnu fost l-istorbju u l-ġenn tal-ħajja? Jew forsi m’għandhomx ġuħ għax imlew żaqqhom bil-ġid materjali, bir-reliġjon, xogħol jew divertiment?

Ma jiġux għax mingħalihom diġa għandhom. Diġa sinjuri!

Kien għalhekk li Marija, omm Ġesu, meta għanniet il-Manifikat biex tfaħħar il-Mulej għal dak li kien għamel magħha, qalet, ‘Lill-imġewħin xebba’ bi ħwejjeġ tajba; u lill-għonja bagħathom b’xejn.’

Alla ma jagħtix il-grazzja tiegħu lil kburin. Għalissa ma jindunawx li l-għana tagħhom hu biss faqar. Imma jiġi l-Jum li jintebħu bl-għera tagħhom meta Alla jibgħathom ‘l barra fid-dlamijiet ta’ dejjem.

Imma s'issa għadu l-waqt li nisimgħu s-sejħa tal-Missier u nersqu għall-ikel tas-sema, u fi Kristu nsibu l-milja ta' ħajjitna.

Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej!