31 January 2013

IL-Kura tat-Tfal b’ADHD


It-tfal li għandhom il-kundizzjoni Attention Deficit Hyperactivity Disorder (ADHD) għandhom bżonn kura fit-tul. It-tobba jiktbu tlett tipi ta’ mediċini ewlenin biex jikkontrollaw is-sintomi. Waħda minnhom tingħata b’xejn u hija biżżejjed għal uħud minn dawn it-tfal. Imma f’każijiet oħra l-ispeċjalista jikteb mediċina li s’issa għadha ma tingħatax b’xejn.

Ħafna ġenituri jagħmlu sagrifiċċji kbar u jonfqu qrib l-elf ewro fis-sena biex jagħtu lil uliedhom l-aħjar kura possibli. Din il-ġimgħa omm qaltli li tonfoq 70 ewro fix-xahar għal binha, u biex tiffranka xi ħaġa ma tagħtihx il-mediċina nhar ta’ Sibt u Ħadd.

Dawn il-familji għandhom bżonn l-għajnuna. Jien inħoss li l-mediċini li jeħtieġu għandhom ikunu mogħtija b’xejn. Ikun ta’ ġid għat-tfal stess peress li jikkalmaw u jikkonċentraw aktar, u allura jkunu jistgħu jitgħallmu iżjed. Ikun ta’ benefiċċju wkoll għat-tfal l-oħra fil-klassi.

Nappella mill-qalb lill-politiċi biex ma jinsewx lit-tfal b’ADHD u l-familji tagħhom.