X’Se Nagħmel b’Ġesù?


Jista’ jkun li hemm nies li jagħrfu l-verità u jwarrbu lil Ġesù xorta waħda?

Iva, hekk għamel Pilatu. Kien jaf li Ġesù kien bla ħtija. Kien jaf li l-mexxejja Lhud ġabuh quddiemu għax kienu jgħiru għalih. Infatti għamel attentat, fqir kemm kien fqir, biex jeħilsu meta ta lin-nies l-għażla bejn Ġesù u dak il-brigant Barabba. Pilatu kkundanna lil Ġesù avolja kien jaf il-verità. Ta f’idejhom bniedem li skond kliemu stess kien raġel ġust. Ried jibża' għall-poter. Ma riedx inkwiet żejjed u xi rewwixta mill-poplu. Pilatu beża’ min-nies u għamel kuntrarju għall-verità li kien konvint minnha.

Jista’ jkunu li hemm nies reliġjużi li jwarrbuh ukoll?

Iva, hekk għamlu l-mexxejja reliġjużi Lhud. Kienu jgħiru għalih. Bil-qdusija tiegħu u bi kliemu kien jikxef il-falsità tal-reliġjożità tagħhom. Kienu komdi fir-reliġjon tagħhom u b’xejn ma riedu jiċċaqilqu minnha. Kienu lesti li joqtlu lil Kristu basta ma jbiddlux ir-reliġjon.

Jista’ jkun li Ġesù jkun miċħud mill-maġġoranza tan-nies?

Iva, hekk għamel il-poplu Lhudi minkejja li f’Ġesù ta’ Nazzaret ma rawx għajr tagħlim tajjeb, ġid u fejqan. Fost dawk li għajjtu, ‘Sallbuh’, min jaf jekk kienx hemm x’uħud li ftit ġranet qabel sellmulu ‘Hosanna’, jew li kien fejqilhom xi ħadd mill-qraba tagħhom? Il-vot popolari u demokratiku qatt ma kien kejl tajjeb tal-verità. Ħafna nies għadhom sal-lum jagħmlu bħan-nagħaġ ta’ Bendu u ‘jagħżlu’ dak li hu moda fi żmienhom. Ma jaqbdux id l-Imgħallem biex jeħlishom mill-għarqa għax jippreferu jitkaxkru mal-kurrent.

Kull wieħed minna jrid iwieġeb għalih innifsu l-mistoqsija li għamel dakinhar Pilatu, X’nagħmel mela b’Ġesù li jgħidulu Kristu? (Mattew 27:22)

Se nikkopja dak li jagħmlu l-oħrajn? Lest jekk hemm bżonn inwarrab mill-kumdità tar-reliġjon li trabbejt fija? Jekk nagħraf li dan Ġesù huwa l-uniku Salvatur u s-Sid tal-univers, lest li nafda fih biss is-salvazzjoni ta’ ruħi, u lest li nobdi l-Kelma tiegħu x’jgħidu x’jgħidu n-nies fuqi? Iddeċidejt li nibża’ minn Alla u ma nibżax minn ħadd aktar?