8 February 2013

Il-Politika u l-Fidi


Kristu hu s-Sid ta’ kollox. Meta nistqarru li Ġesù hu Sidna, inkunu nfissru li hu għandu awtorità fuq kull aspett ta’ ħajjitna, kemm spirtwali kif ukoll materjali. Kristu jirregola l-ħajja personali, ir-relazzjonijiet fil-familja u fil-knisja. Kristu jirregola wkoll ir-relazzjoni tagħna mal-bqija tas-soċjetà u mal-awtoritajiet ċivili.

Jien m’inix se nitkellem fuq il-politika tal-partiti, imma nixtieq li nħares lejn il-politika mill-lenti tal-fidi Kristjana. X’irid minna l-Mulej – iridina ninvolvu ruħna u x’inhu l-kontribut uniku li nistgħu nagħtu?

APATIJA

Irridu nevitaw żewġ estrimi – l-apatija u l-fanatiċiżmu.

Nibdew bl-attitudni ta' apatija, bħal dak li jgħidlek, ‘Jien ma rridx naf b'politika. Ħa jagħmel kulħadd li jrid. Lanqas biss se nivvota.’

Il-fidi Kristjana tirrifjuta din il-mentalità ta' telqa u passività. L-ewwel kmandament - ħobb lil Mulej Alla tiegħek - huwa marbut mat-tieni, ħobb lil proxxmu tiegħek bħalek innifsek. Il-politika hi mezz biex tħobb u sservi lil għajrek. Tassew, xi wħud jabbużaw minnha, imma l-politika tibqa’ mezz ta’ servizz. Allaħares ma kienux il-politiċi u s-sistema ta’ tmexxija ċivili u ġudizzjarja, bid-difetti kollha tagħhom, għax kieku pajjiżna jsir ġungla.

Nixtieq nara Insara ta’ konvizzjoni joħorġu għall-politika, mal-partiti kollha, biex jagħtu vuċi lill-valuri Nsara, li wara kollox huma l-valuri umani għall-ġid ta’ kulħadd. U għalkemm mhix is-sejħa ta' ħafna minna li nidħlu direttament fil-politika, xorta waħda nistgħu nagħtu kontribut. Meta kienet qed tinħema l-liġi dwar l-IVF, ma stajtx ma nitkellimx meta rajt il-periklu għall-ħajja tat-tfal. Kien hemm mument li qtajt qalbi, imma kont sorpriż li fl-aħħar mill-aħħar, wasalna.

Jien inħares lejn il-vot bħala mezz biex nagħti sehemi fil-ħajja politika ta’ pajjiżi, u allura nqisu bħala mezz biex inħobb lil proxxmu. Għalhekk inħoss li hu d-dmir tiegħi li nappoġġja lil dawk il-politiċi, minn kull partit, li fil-kuxjenza naħseb li jistgħu jagħmlu l-aktar ġid. Ladarba s-sistema politika ta’ pajjiżna tagħtina din l-opportunità, ma nkunux għaqlin jekk ma nagħtux sehemna fl-għażla tar-rapreżentanti.

Inkwetanti meta tisma’ min jgħidlek, ‘Jien ma nivvotax, għax lili ma tawni xejn.’ Din hi attitudni eġoista. Id-dixxipli ta’ Kristu għandhom isegwu l-eżempju ta’ Sidhom għax hu ma fittix dak li jaqbel lilu iżda dak li jaqbel lil oħrajn ukoll.

FANATIĊIŻMU

Ħalli mela nieħdu sehem fil-politika mingħajr ma mmorru fl-estrem l-ieħor. Ejja ngħiduha kif inhi, kull wieħed minna għandu simpatija lejn parti jew ieħor. Aħmar jew blu, skur jew ċar, xi lewn għandna. Ma jimportax. Sakemm ma nkunux fanatiċi. Il-fanatiku jara u jisma’ biss l-istazzjon u jaqra biss il-gazzetta tal-partit tiegħu, jemmen kulma jgħidu l-politiċi tan-naħa tiegħu, u konvint li tan-naħa l-oħra huma kollha giddieba, qarrieqa u inkompetenti. M’għandux bżonn jiddeċiedi lil min se jivvota – lanqas biss jgħaddilu minn moħħu li qatt jagħti imqar in-numru għaxra lil kandidtat tal-partit l-ieħor avolja jaf li hu persuna valida u ta’ integrità.

Il-fanatiċiżmu politiku jinkwetani għax iħarbat il-prijorità fil-ħajja tan-Nisrani. Matul il-kampanja elettorali xi Nsara ħadu vacation leave mill-fidi ta’ Kristu u prattikament inbidlu f’canvassers u delegati tal-partit. Il-ħsibijiet u d-diskors tagħhom jikxifhom: minflok ‘Fittxu l-ewwel saltnet il-Mulej, u l-ħaqq tiegħu’ il-motto tagħhom sar, ‘Fittxu l-ewwel il-partit u l-interessi tiegħu.’

Ħares ħarsa lejk innisfek: x’inhu l-akbar interess tiegħek dawn l-aħħar ġimgħat? Qrajt l-Iskrittura daqskemm qrajt il-ġurnali? Smajt b’attenzzjoni l-Kelma pritkata daqskemm smajt aħbarijiet u diskorsi politiċi? Tkellimt ma’ nies dwar Kristu u l-evanġelju daqskemm tkellimt fuq il-politika? X’jiġi mela l-ewwel għalik - saltnet il-Mulej jew saltnet il-bniedem?

Il-politika tagħmel parti żgħira mill-ħajja tan-Nisrani – u fit-twettieq tal-obbligi tiegħu bħala ċittadin, in-Nisrani jservi ‘l Alla. Imma n-Nisrani għandu valuri u viżżjoni li jmorru ferm ‘l fuq mill-politika, speċjalment mill-politika partiġġjana.

RISPETT

Dak li joħroġ miIl-fomm juri l-attitudni tal-qalb. Nafu sew kif jitkellmu l-Maltin fuq il-politiċi tal-partit avversarju. Kliem ta’ redikolu. Kliem ta’ disprezz. Kliem ta’ malafami. Sfortunatament il-politiċi nfushom ikomplu jsaħħnu l-irjus u jimminaw l-inteġrità ta’ xulxin.

Ma nistgħux niskużaw lilna nfusna u nagħmlu bħalhom. Irridu noqgħud b’seba’ għajnejn li bi kliemna ma nbaxxux jew inħammġu l-fidi li nipprofessaw. Aħna għandna ordnijiet differenti. Wara li tgħidilna nobdu l-awtoritajiet, l-Iskrittura tmur pass 'l quddiem u tikkmandana wkoll nonorawhom. ‘Agħtu lil kulħadd dak li ħaqqu, taxxi lil min imissu t-taxxi, dazju lil min imissu d-dazju, rispett lil min imissu r-rispett, ġieħ lil min imissu l-ġieħ’ (Rumani 13:7).

Inġibulhom rispett mhux għax dejjem 'ħaqqhom' jew għax qatt ma jiżbaljaw. Mhux għax huma 'l fuq mill-kritika. Mhux għax huma tal-partit li nappoġġja. Imma sempliċiment minħabba l-pożizzjoni ta’ tmexxija, hu x’inhu l-kulur tagħhom, għax Alla jridna nonorhom.

Ħalli mela noqgħodu attenti kif nitkellmu, jekk wara kollox nagħżlu li nitkellmu fuq il-politika. Kristjani, ħalli ma ninsew qatt li f’isimna nġorru lil Kristu u allura dak li ngħidu, u kif ngħiduh, m’għandux itellef il-kredibilità tagħna quddiem ħaddieħor jew jiżra’ firda bejnietna. L-irjus jisħnu malajr u faċli jingħad kliem iebes li jfieri u jweġġa’. Għandna bżonn ilġiem f’ilsinna. Huwa aħjar tgħid ftit u sewwa, b’rispett, u sikwit hu l-aħjar li ma tgħid xejn.

IL-KRISTJAN U L-GVERN

Aħna nemmnu f’Alla, is-Sid tas-sidien, is-Sultan tas-slaten. ‘Alla l-għoli jaħkem fuq is-saltna tal-bnedmin, u jagħmel fuqha lil min jogħġbu’ - anke f’demokrazija fejn il-poplu suppost sovran. Fil-verità Alla qatt ma ċeda t-tron etern tiegħu. Hu jqiegħed fis-setgħa lil min jogħġob lilu. ‘Mhemm ebda setgħa ħlief dik t’Alla: is-setgħat li hawn huma mwaqqfin minn Alla.’ Dan il-ħsieb għandu jlebbet il-qalb imqallba tan-Nisrani. Min se jirbaħ? Ma nafx. Naf biss li Alla jibqa’ fuq il-mexxejja umani ta’ pajjiżna. ‘Qalb is-sultan f’id il-Mulej bħax-xmajjar ta’ l-ilma: kull fejn jogħġbu jdawwarha’ (Pro 21:1). Għalija dan il-ħsieb jagħtini kuraġġ.

Ma jfissirx li min qiegħed fis-setgħa jista’ jiftaħar li hu l-aħjar. Fil-providenza tiegħu Alla jippermetti kull xorta ta’ gvern – tajjeb u ħażin – biex jaħkmu fuq il-ġnus. L-għanijiet sovrana t’Alla huma sikwit moħbija minna. Ħaġa waħda mhix moħbija: ir-rieda t’Alla sew għal min imexxi kif ukoll għalina.

Alla jrid lil gvern imexxi għal ġid ta’ kulħadd, u jara li jkun hawn ġustizzja u s-sliem fil-pajjiż. ‘Hu l-ministru t’Alla għalik għall-ġid ... hu l-ministru t’Alla, biex jagħmel ħaqq u jikkastiga lil min jagħmel il-ħażin.’ Il-mexxejja huma responsabbli quddiem Alla tat-tmexxija tagħhom, u fl-aħħar mill-aħħar iridu jagħtu kont 'l Alla tar-responsabilità fdata f’idejhom.

Aktar u aktar mela għandna nieħdu bis-serjetà s-sejħa tal-Iskrittura biex nitobu u ninterċiedu għall-mexxejja tagħna. Nifakru r-responsabiltà enormi li jġorru. Ftakar li l-mexxejja huma umani, suġġetti li jiżbaljaw, suġġetti għall-ħażen u f’qagħda ta’ tiġrib. Il-kok għandu t-tentazzjoni jduq milli jkun isajjar, il-politiku għandu t-tentazzjoni li juża l-awtorità għall-vantaġġ tiegħu. Aktar mill-kritika u kultant l-istmerrija tagħna, il-politiċi għandhom bżonn it-talb tagħna.

Huwa ta’ benefiċċju għalina u għal pajjiżna li jkollna gvern għaqli. ‘Biex ngħaddu ħajja kwieta u ta’ sliem bit-tjieba kollha u onestà.’ Ma nistgħux nieħdu for granted il-paċi li gawdejna fl-aħħar snin. Niftakru żmien ta’ ħafna tensjoni u ħadd ma jrid li nerġgħu ngħaddu minn tiġrib bħal dak. Jekk inħarsu madwarna, naraw popli mqallba u mħabbtin bi ġlied u instabilità politika, finażjarja u soċjali. Biżżejjed jekk biss nagħtu titwila madwarna fil-Mediterran u niftakru x’qed jiġri fil-Greċja, Spanja, il-Libja, is-Sirja u l-Eġittu. Nirringrazzja ‘l Alla li għalkemm żgħar u mingħajr riżorsi, u minkejja l-problemi kollha li għandna, kollox ma kollox aħna l-Maltin qed ngħixu tajjeb.

Dan jorbot max-xandir tal-evanġelju: ‘Alla jrid il-bnedmin kollha jsalvaw, u jaslu għall-għarfa tas-sewwa.’ Il-ġlied u d-diżordni m’humiex ħbieb tal-evanġelju. Irridu l-paċi f’pajjiżna, mhux biss għalina, imma biex ikun hawn klima fejn nistgħu inxandru l-evanġelju lil kulħadd.

IN-NISRANI FIS-SOĊJETÀ MALTIJA

Aktar minn kollox Malta teħtieġ l-evanġelju. L-interess politiku huwa straordinarju. Kieku jaħasra il-Maltin juru kwart tal-interess f’Alla inkunu l-aktar pajjiż spiritwali fid-dinja. Imma le, il-Maltin jaduraw alla ieħor: il-flus u l-materjaliżmu. Jgħidu li bil-flus tagħmel triq fil-baħar. Iridu li jinżidu l-pagi u l-pensjonijiet, u jitnaqqsu l-kontijiet u t-taxxi. Imbagħad ma jkun jonqosna xejn. Intejbu l-ekonomija u nsibu ruħna fil-genna tal-art, mhux hekk? Hekk jaħsbu ħafna Maltin, u l-oħrajn li ma jaħsbux, jassumu li hekk hu. Min għandu jrid iktar u isbaħ (speċjalment isbaħ minn tan-neighbor). Min m’għandux wisq, joħlom u jistinka biex ikollu. Il-Maltin qed ifittxu s-salvazzjoni u l-ħajja fil-karti tal-ewro. Il-flus huma fiċ-ċentru tal-qalb ta’ ħafna Maltin; Alla huwa mwarrab fil-ġenb.

X’għandu jkun ir-rispons tagħna l-Insara? Ejja ma ninġarrux mill-kurrent bħall-bqija tal-Maltin. Aħna dorna mill-idoli – mhux l-istatwi tal-qaddisin biss imma mill-mentalità materjalista - biex inservu u nqimu ‘l Alla ħaj u veru. Ħalli ma mmorrux lura min fejn ġejna.

Irridu naħdmu biex ngħixu, iva. Imma irridu ngħixu mhux biex nieklu u niffangaw fil-pjaċiri tad-dinja, iżda biex inwettqu l-missjoni li Kristu fada lilna l-knisja tiegħu. Morru mela, qalilna, fid-dinja kollha - iva, f’Malta wkoll, f’Ħal Luqa, fl-Imsida, il-Kottonera, in-Naxxar, H’Attard, ir-Rabat Għawdex, u f’kull għorfa u f’kull rokna ta’ pajjiżna, biex inħabbru l-evanġelju lil kull maħluq.

Il-politiċi ġennew nażżjon b’wegħdi ta’ aktar flus u ġid; imma aħna għandna x’noffru ġid li ma jinsteraqx u ma jitħassarx. Huma jfittxu l-ħobż li jintemm, aħna għandna x’noffru l-Ħobż tal-ħajja li niżel mis-sema u li jagħti l-ħajja eterna. Sidna bagħtna f’salib it-toroq nistiednu lil kulħadd għall-festa tiegħu. L-iktar li jistgħu jwiegħdu l-politiċi hu ħelsien mill-faqar u l-inġustiżżji – u dan hu tajjeb. Iżda l-akbar problema tal-bniedem huwa l-faqar spiritwali u d-dejn li għandu m’Alla, l-imħallef tad-dinja. Wara kollox jekk bniedem jakkwista d-dinja kollha, x’jiswa’, għiduli, jekk imbagħad jitlef ruħu?

Aħna nistgħu noffru l-ħelsien tassew - mid-dnub, mill-frugħa, mill-kundanna. Aħna għandna x’noffru l-maħfra, ħajja bis-sens u l-ferħ tal-Mulej. Jekk tassew inħobbu lil ħutna Maltin ħalli aħna l-Insara nagħtuhom dak li tant jeħtieġu, l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù Kristu, għax qajla jistgħu jirċevuha mingħand ħaddieħor.

------

Rumani 13:1-7

Ħa jkun kull wieħed suġġett għal setgħa aktar għolja. Għax mhemm ebda setgħa ħlief dik t’Alla: is-setgħat li hawn huma mwaqqfin minn Alla. Għalhekk kull min jieqaf lis-setgħa, inkun qiegħed jieqaf lill-ordni t’Alla: u dawk li jeħduha kontra l-ordni jiġbdu fuqhom il-kundanna. Għax il-ħakkiema mhumiex ta’ biża’ għall-opri tajba, iżda għall-ħżiena. Trid mela ma tibżax minn min hu fis-setgħa? Agħmel dak li hu tajjeb, u jkollok tifħir minnu. Għax hu l-ministru t’Alla għalik għall-ġid. Iżda jekk tagħmel il-ħażin, ibża’; għax mhux għalxejn għandu s-sejf: hu l-ministru t’Alla, biex jagħmel ħaqq u jikkastiga lil min jagħmel il-ħażin. Għalhekk jeħtieġ li tkunu suġġetti, mhux biss minħabba l-għadab t’Alla, imma minħabba l-kuxjenza wkoll. Għax għalhekk għandkom tħallsu l-ħaraġ ukoll: għax huma l-ministri t’Alla, li jagħmlu dil-ħaġa kuljum. Roddu mela lil kulħadd dak li jmissu: it-taxxi lil min imissu t-taxxa; rispett lil min imissu rispett, il-ġieh lil min imissu l-ġieh.

1 Pietru 2:13-17

Issottomettu ruħkom għal kull liġi tal-bniedem minħabba l-Mulej: kemm lis-sultan, bħala fuq kulħadd, kemm lil gvernaturi, bħala mibgħutin minnu għall-kastig ta’ dawk li jagħmlu d-deni u biex ifaħħru ’l dawk li jagħmlu t-tajjeb. Għax jekk hi r-rieda t’Alla li, billi tagħmlu t-tajjeb, intom tkunu tistgħu ssiktu l-injuranza ta’ nies bla għaqal. Bħala ħelsin u mhux tinqdew bil-ħelsien tagħkom bħala għata għall-ħażen imma bħala l-qaddeja t’Alla. Weġġhu ’l kulħadd. Ħobbu l-aħwa kollha. Ibżgħu minn Alla. Weġġħu s-sultan.

1 Timotju 2:1-4

Inħeġġiġkom mela, qabel xejn, li jsiru talb, u tħannin, interċessjonijiet, u radd il-ħajr għall-bnedmin kollha, għas-slaten, u għal dawk kollha li huma fis-setgħa; biex ngħaddu ħajja kwieta u tas-sliem bit-tjieba kollha u onestà, għax dan tajjeb u jingħoġob quddiem Alla s-Salvatur tagħna li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw, u jaslu għall-għarfa tas-sewwa.