25 March 2013

Il-ġenituri għandhom joqgħodu mat-tfal waqt li jsir xi test?

Il-ġenituri għandhom joqgħodu mat-tifel jew tifla tagħhom fit-treatment room meta tkun qed issir xi proċedura, ngħidu aħna meta:

  1. jittieħed id-demm
  2. titwaħħal cannula (għad-drip)
  3. isir it-test tal-meningite (lumbar puncture)
  4. jiddaħħal catheter fil-bużżieqa tal-pipi

Jiddependi minn ħafna fatturi - l-età tat-tfal, kif iħossuhom il-ġenituri, kif iħossu jaħdem komdu t-tabib, u fuq il-proċedura li tkun se ssir.

Il-proċeduri fuq it-tfal jafu jkunu diffiċli u mhux l-ewwel darba jkollna nipprovaw aktar minn darba biex jirnexxielna.

Jien nistaqsi lill-ġenituri jekk jixtiequx joqgħodu fit-treatment room biex ikunu ta' wens għal uliedhom. Imma kultant jien stess nistaqsishom jistennew ftit barra. Ikun aħjar għalihom u għat-tarbija wkoll. Ma tantx inħossni naħdem komdu jekk ikolli xi omm jew missier jolfqu, igergru minn taħt l-ilsien jew jgħaddu l-kummenti. Dik in-naqra tensjoni żejda sikwit tfisser li ma jirnexxilekx issib il-vina.

Meta ibni kellu bżonn test tat-thyroid meta kien għad għandu ftit ġranet mit-twelid, staqsejt wieħed mill-kollegi tiegħi biex jeħodlu d-demm, u ħriġt il-barra mill-kamra biex inħallih jaħdem fil-kwiet.

X'se nikkonkludu? Mhux se nagħti risposta waħda. Nissuġġerixxi biss li l-ġenituri jitkellmu mat-tabib li jkun se jagħmel it-test, u jieħdu deċiżjoni flimkien fl-aħjar interess tat-tfal.