16 March 2013

Inżel mis-Salib


Qegħdulu miktuba fuq rasu l-ħtija tiegħu: DAN HU ĠESÙ SULTAN IL-LHUD. Imbagħad kienu msallbin miegħu żewġ ħallelin, wieħed fil-lemin u wieħed fix-xellug. U dawk li kienu jgħaddu kienu jgħajruh, huma u jċaqilqu rashom, u jgħidu: “Int li tħott it-tempju u tibnih fi tlitt ijiem, salva lilek innifsek. Jekk int l-Iben t’Alla, inżel mis-salib.” Hekk ukoll il-qassisin il-kbar kienu jiddieħku bih, mal-iskribi u max-xjuħ, u jgħidu: “Salva oħrajn; lilu nnifsu ma jistax isalva. Jekk hu s-Sultan ta’ Iżrael, ħa jinżel issa mis-salib u nemmnuh. Hu fada f’Alla; ħa jeħilsu issa, jekk iridu: għax hu qal: Jien l-Iben t’Alla.” Il-ħallelin ukoll, li kienu mislubin miegħu, żebilħuh. (Mattew 27:38-44).

Il-ħtija mdendla fuq ras Ġesù – Dan hu Ġesù Sultan tal-Lhud – ma kienet ħtija xejn. Ġesù hu tassew il-Messija, is-Sultan.

Imma l-Lhud m’emmnuhx u ma riduhx isaltan fuqhom. Sfidawh u tmejlu bih – urina li inti l-Iben t’Alla, li inti s-Sultan, li għandek il-qawwa li għidt li għandek, li Alla hu miegħek. Inżel minn fuq is-salib u nemmnuk!
Kieku ried Ġesù seta’ jinżel imma għażel li jibqa’ imdendel mal-għuda bla ma qies xejn il-għajb. Kieku ried il-Missier seta’ jeħilsu u juri li hu tassew Ibnu l-Maħbub imma għażel li jħallih ibati u umiljat.

Tal-inqas mhux dak il-ħin. Hemm waqt u waqt fil-pjan tal-fidwa. Il-waqt tat-tbatija u l-umiljazzjoni, u l-waqt tar-rebħa u l-glorja meta Ġesù Kristu “kien iddikjarat Bin Alla bis-setgħa, bil-qawmien mill-imwiet.” Ġesù ħallihom iħottu t-tempju; hu bnih mill-ġdid fit-tlett ijiem, kif kien qal.

Imma għaliex, forsi wieħed jistaqsi, kellu bżonn jgħaddi mit-tbatija u l-mewt?

It-tweġiba nsibuha fiż-żeblih tal-Lhud meta qalu: “Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva.” Mhux veru li ma kellux il-qawwa li jsalva lilu nnifsu. Imma kien veru li biex isalva lill-oħrajn, Kristu ma setgħax isalva lilu nnifsu wkoll.

Kien hemm żewġ għażliet. L-ewwel, li jsalva lilu nnifsu u jħalli l-umanità mitlufa u ikkundannata għal dejjem fl-infern. It-tieni, li ma jsalvax lilu nnifsu, biex bit-tbatija u l-mewt tiegħu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.

Ġesù għażel it-tieni. Għax iħobbna ma salvax lilu nnifsu biex isalva lilna li nafdaw fih!