L-Għid it-Tajjeb


Joanne ppreparat ftit ħelu biex it-tifel jagħtihom lil sħabu tal-klassi fl-aħħar ġurnata qabel jibdew il-vaganzi tal-Għid. John qal lil ommu, “Mamà ma nistax nagħtihom lit-tfal għax illum mhux l-Għid.”

“Veru,” qaltlu ommu, “imma għalina kuljum l-Għid,” u kompliet tispjegalu li Ġesù qam mill-mewt u li huwa dejjem ħaj.

Imma John m’għoġbitux l-implikazzjoni ta’ Għid perpetwu! “Mamà allaħares kuljum l-Għid għax kieku żaqqi ssir daqshekk biċ-ċikkulata,” waqt li b’idejh miftuħin urieha żaqqu qisha ta’  mara tqila.

Ma jieħux gost bina l-miżien jekk ta’ spiss nieklu l-figolli u l-bajd tal-Għid, imma għal ruħna jagħmlilna ħafna ġid jekk ngħixu ta’ kuljum fid-dawl tal-qawmien. Kristu qed jgħix! Għalina li nemmnu, l-Għid ma jgħaddi qatt għax għall-maħfra qalbna tistrieħ fi Kristu Rxoxt, miegħu nimxu ta’ kuljum, u fih nittamaw għall-ħajja ta’ dejjem.

Mill-qalb nixtiequlkom l-Għid it-Tajjeb.

Joe, Joanne, John, Elizabeth u Mari