Għaliex it-tbatija, Mulej?

Għaliex il-mard, l-uġigħ u l-mewt?
Ladarba tista’ kollox,
ladarba inti ħanin u twajjeb,
għaliex, Mulej, tibqa’ ma tfejjaqx?
Forsi ma tismax il-karba tal-marid,
jew ma tarax id-dmugħ fuq ħaddejna?

Inti l-Ħallieq tas-sema u l-art;
fil-bidu ħlaqt kollox tajjeb,
lilna sawwartna fuq xbieha tiegħek,
sejjaħtilna biex ingawdu xirka miegħek,
u wissejtna bis-sħiħ li d-dnub inissel il-mewt.
Imma l-ewwel ġenituri ma obdewkx
u ħaduha kontra tiegħek;
l-istess aħna, bi dnubietna,
komplejna nirribellaw kontra min għamilna.

Għalhekk illum madwarna
ma narawx il-ġnien sabiħ tal-bidu,
imma xewk, nixfa u taħsir.
Fadal ftit mis-sabiħ tal-Għeden
biex ifakkarna fit-tjieba ħelwa tiegħek.
Imma issa l-ferħ imħallat bin-niket,
mas-saħħa, il-mard,
mal-ħajja, il-mewt,
biex ma ninsew qatt
kemm hu ikraħ id-dnub f’għajnejk
u kemm hu morr il-frott tiegħu.

Kont wissejtna fil-bidu,
u terġa’ twissina llum:
Jekk nibqgħu bla ndiema,
hemm tbatija agħar,
l-infern, in-nar li ma jintefiex.
Għallimni, Mulej, il-biża’ tiegħek
biex nistkerraħ dak li inti tobgħod,
id-dnub li ġab tant qerda.
Agħtini qalb niedma,
biex nagħti dahri għall-ħażen,
u nimxi fit-triq id-dejqa
li twassal għall-ħajja.

Meta iżżurni bil-mard, Mulej,
jien nibqa nafda fik
għax int fil-kontroll perfett ta’ kollox;
għasfur tal-bejt ma jaqax fl-art
mingħajr ir-rieda tiegħek.
Ħajti f’idejk, Mulej,
jekk trid tista’ tfejjaqni,
jekk le, ħa tkun magħmula r-rieda tiegħek.
Inti ma ġġarrabnix għalxejn,
imma tuża t-tbatija biex tilħaq għan tajjeb
għall-ġid tiegħi u għall-glorja tiegħek.

Jekk ma nifhem xejn
u bid-dmugħ ma narax ċar,
għallimni nibqa’ sieket
biex ma nlissinx kelma waħda ta’ protesta
jew kelma ta’ dubbju fuqek.
Meta tgħaddini mill-wied ta’ dell il-mewt,
żgur ma tinsiex il-wegħda tiegħek,
u ma tħallinix waħdi fid-dalma tal-lejl.
Ibqa’ ħdejja, Mulej, għax inti
l-għajnuna u l-faraġ tiegħi.
Jien inbus l-id moħbija tiegħek
u nqim minn qalbi lil Alla l-imbierek.

Ressaqni fid-dell tas-salib
biex il-Kalvarju jkun l-iskola tiegħi,
għax int ukoll xrobt  mill-morr tal-ħajja
u ġarrabt bħalna t-tbatija u l-mewt.
Mulej, int ħallejt il-glorja tas-sema,
għażilt li taqdi minflok tkun moqdi.
Libbsuk kuruna tax-xewk, Sultan,
neżżgħuk u dendluk mal-għuda misħuta.
Ma kienx jistħoqqlok,
ma kellek ebda ħtija;
int tgħabbejt bil-mard u d-dnubiet tiegħi,
u ħadt il-kastig li kien jixraq lili.
Salibek, Mulej, hu l-fejqan tiegħi,
u demmek naddafni minn kull tebgħa.

Għalhekk inħares ’il quddiem bit-tama;
il-qabar mhux l-aħħar waqfa
ta’ din il-mixja qasira.
Bħalma irbaħt fuq il-mewt u qomt rebbieħ,
b’ħiltek, Mulej, jien ukoll għad ngħix mill-ġdid
meta bil-kelma qawwija tiegħek
issejjaħli għall-qawmien tal-ħajja,
tlibbisni b’ġisem li ma jitħassarx,
timsaħ kull demgħa minn għajnejja,
tfejjaqni minn kull marda,
ittaffi kull weġgħa.
Dakinhar, Mulej, ma nistaqsix aktar,
għaliex it-tbatija.