28 April 2013

Il-Ħajja Fraġli u Prezzjuża


Dan l-aħħar it-tifel darbtejn staqsiena dwar il-mewt. Lili staqsieni jekk it-tfal imorrux għand Ġesù, u mingħand ommu ried ikun jaf fejn imorru hu u ħutu jekk aħna, il-ġenituri, immorru għand Ġesù. John sar konxju tal-mortalità.

Ħafna nies jiprovaw jinjoraw din ir-realtà; jgħixu bħallikieku se jibqgħu hawn għal dejjem.

Ferm aħjar li nkunu onesti. Tassew il-ħajja hi tant qasira, is-snin jitgerbu u malajr tintemm. Għalhekk għandna nitolbu, fi kliem is-Salmista, ‘għallimna ngħoddu l-jiem ta’ ħajjitna.’ Għallimna Mulej naprezzew kull ġurnata li jogħġbok issellifna. Illum huwa l-mument - għada jista' jkun tard wisq - li ngawdu u nħobbu lill-għeżież tagħna. Il-ħajja hi tant fraġli, sabiħa u prezzjuża!

Dan mhux kollox. Kristu jagħtina perspettiva eterna. Meta kien qed jersaq lejn tmiem il-vjaġġ tiegħu fuq l-art, l-appostlu Pawlu ħares ‘il quddiem b’antiċipazzjoni ta’ ħajja isbaħ. Kien jixtieq jitlaq u jkun ma’ Kristu, li hu wisq aħjar. Din hi t-tama ta’ kull min jemmen fih.