2 April 2013

Il-Missierna għat-Tfal Żgħar


Minn ċkunithom lit-tfal ngħidulhom il-Missierna qabel jorqdu, imma ftit li xejn jifhmu x'inkunu nitolbu (min jaf x'jifhmu bi frażijiet bħal 'jitqaddes ismek' jew 'hekkda fl-art'?) Għalhekk ħsibt li nadatta din it-talba fi kliem sempliċi għal John, Elizabeth u Mari ... u qed naqsamha magħkom għat-tfal żgħar tagħkom.

Papà,
Għallimna nħobbuk,
Għallimna nobduk,
Agħtina l-ikel,
Aħfrilna meta nagħmlu ħażin,
Għinna naħfru lill-oħrajn,
Oqgħod magħna u ħu ħsiebna.
Ammen.

Dawn huma r-raġunijiet għaliex ktibtha hekk:

1 “Missierna li inti fis-smewwiet”
Ġesù jgħallimna nindirizzaw it-talb tagħna lil Alla l-Missier. Minkejja li hu eżaltat fl-ogħla smewwiet, u minkejja x-xejn u dnubiet tagħna, bis-saħħa ta’ Kristu nistgħu nersqu lejh bla twerwir, imma dejjen b’qima, u nindirizzawh bħala “Missierna”! Xi privileġġ li nistgħu nsejjħu lil Alla li jista’ kollox, “Abba, Missier.” Ħalli mela t-tfal żgħar isejjħula bl-istess kunfidenza li jagħjtu lil missierhom, “Papà” jew “Daddy.”

2 “Jitqaddes ismek”
Fl-ewwel tlett petizzjonjijiet nitolbu lil Alla għal Alla stess! Qabel l-interessi u l-bżonnijiet tagħna aħna rridu li l-isem t'Alla jkun onorat minna u mill-bnedmin kollha. Alla huwa msebbaħ meta nagħrfu s-sbuħija u tjieba tiegħu, nemmnu fih u nieħdu ġost bih. F’kelma waħda, aħna nonoraw ‘l Alla meta nħobbuh. Mela ħalli t-tfal jitobuh, “Għallimna nħobbuk,” biex hekk Alla ikun msebbaħ minn uliedna.

3 “Tiġi saltnatek; ikun li trid Int kif fis-sema hekda fl-art”
Dawn iż-żewġ petizzjonijiet jixxiebħu. Meta ngħidu “Tiġi saltnatek,” inkunu qed nitolbu li s-saltna t’Alla tinferex mad-dinja billi aktar nies jemmnu l-evanġelju u jissottomettu ruħhom għalih, u finalment biex Kristu jerġa’ jiġi u jiġbor il-familja kollha tiegħu fid-Dar tal-Missier. Meta nitolbu, “Ikun li trid Int,” inkunu nuru x-xewqa tagħna li Alla jkun obdut fid-dinja kif huwa moqdi mill-anġli fis-sema. F’kelma waħda, “Għallimna nobduk.”

4. “Ħobzna ta' kuljum agħtina llum”
Issa nitolbu għalina u l-bżonnijiet fiżiċi tagħna – il-ħobż, is-saħħa u dak kollu li għandna bżonn għal ġisimna. Għalhekk it-tfal jistgħu jitolbu, “Agħtina l-ikel.”

5. “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina”
Nitolbu għall-bżonnijiet spiritwali, għall-maħfra tad-dnubiet. Qed nammettu li żbaljajna, offendejna lil Alla, li ma nistgħux inħallsu d-dejn tagħna, u għalhekk nitolbuh jaħfirulna. Bl-għajnuna tiegħu aħna wkoll naħfru lil xulxin. Mela ħalli t-tfal jitolbu: “Aħfirlna meta nagħmlu l-ħażin. Għinna naħfru lil xulxin.”

6. “U la ddaħħalniex fit-tiġrib iżda eħlisna mid-deni. Ammen.”
Konxji mid-dgħufija tagħna u mis-setgħa tiegħu, nitolbu lil Alla biex iħarisna u jżommna bogħod mid-dnub. Weħidna żgur niżbaljaw u nweġġgħu. Għalhekk irriduh jibqa’ magħna biex jieħu ħsiebna. Ħalli mela t-tfal jitolbuh, “Oqgħod magħna u ħu ħsiebna.”