Għaliex Jimportani mill-Ateist?

Irċevejt email mingħand wieħed biex jgħidli li ma jaqbilx miegħi fuq artiklu li ktibt dwar l-ateiżmu. Mhux għax l-argumenti tiegħi ma kinux validi jew għax kont ħadt xi żball. Imma ried jgħidli, ‘Għaliex ma tħallix lil kulħadd jemmen li jrid? Inti temmen f’Alla, għamel li tixtieq; imma għalfejn għandek toqgħod iddejjaq lil dawk li ma jemmnux? Ħallihom!’

Kont fil-kwiet ta’ filgħodu kmieni naħseb fuq hekk, bilqegħda quddiem l-iscreen tal-kompjuter waqt li t-tfal kienu għadhom reqdin. X’se naqbad nirrispondih?

Sadattant fil-kamra daħal it-tifel inkiss inkiss, b’għajnejh inbexxqin, u b’leħen ħiemed qalli, ‘Papà!’ waqt li resaq ħdejja biex nagħnqu miegħi.

Dik kienet ir-risposta li kont qed infittex!

Il-bniedem għandu bżonn lil Alla biex jagħtih identità. Jien m’inix aċċident f’univers impersonali. Jien maħluq fix-xbieha t’Alla, u bil-grazzja ta’ Kristu, jien sirt ibnu, jien it-tifel t’Alla!

Mhux biss. Il-bniedem għandu bżonn lil Alla għall-faraġ. Ngħaddu minn biżżejjed esperjenzi ta’ biża u niket biex nagħrfu d-dgħjufija tagħna. Bħat-tifel tiegħi, inħossu l-bżonn għat-tgħanniqa tal-Missier.

Il-bniedem għandu bżonn wkoll lil Alla biex jagħtih tama. Kienet tkun tassew assurda l-ħajja kieku l-qabar kien t-tmiem ta’ kollox. Imma Alla jagħti lil uliedu t-tama tal-ħajja eterna, u wara li nqumu mir-raqda, jilqgħana għandu b’idejh miftuħin.

Għaliex jimportani mill-ateist?

Għax l-ateist hu bħal tifel mitluf, ma jafx min hu, ma jafx minn fejn ġej u ma jafx fejn sejjer, jiġġerra barra, beżgħan u għajjien.

Għalhekk jimportani. Għax irrid ngħidlu li permezz ta’ Kristu huwa wkoll jista’ jsejjaħ lil Alla, ‘Missier.’ Irrid nagħtih l-aħbar tajba li fih isib l-identità tiegħu ta’ iben, isib il-faraġ u t-tama li qalbu tant tixxennaq għalihom.