26 May 2013

Il-Purtiera tat-Tempju Mċarrta fi Tnejn

Hekk kif miet Ġesù ‘il-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s'isfel’ (Mattew 27:51). X’ifisser dan l-avveniment?

Il-parti l-aktar sagra tat-tempju kien il-Post il-Qaddis għax kien jissimbolizza l-preżenza t’Alla. Il-purtiera kienet bħal separju li jirfred dan il-post mill-bqija tat-tempju.

Ħadd ma setgħa jidħol ‘l ġewwa minnha, ħlief il-qassis il-kbir darba fis-sena bid-demm tas-sagrifiċċju. Dan għaliex Alla hu qaddis; il-bniedem hu midneb. Għalhekk hemm firda bejniethom. Il-bniedem ma jistax jersaq fil-preżenza t’Alla mċappas bid-dnub.

Imma mal-mewt ta’ Kristu, il-purtiera inqasmet minn nofs. It-triq infetħet beraħ għalina biex nersqu lejn Alla. Mhux għax Alla m’għadux qaddis, jew għax aħna m’għadniex midinba, imma issa d-demm ta’ Kristu jnaddafna minn kull dnub.

Aħna li nafdaw fi Kristu, ‘għandna l-fiduċja li nidħlu fis-Santwarju bis-saħħa tad-demm ta' Ġesù billi ngħaddu mit-triq, ġdida u ħajja, li hu fetħilna 'l ġewwa mill-velu, li hu l-ġisem tiegħu stess’ (Lhud 10:19, 20).