11 May 2013

Jum l-Omm

F’Jum l-Omm niftakru f’wieħed mill-isbaħ rigali li tana Alla – l-imħabba u l-għożża materna. Għandi tifkiriet mill-isbaħ ta’ ommi. Il-Ma ħadet tant paċenzja bija u fisditni wkoll, għala le? Nara wkoll kemm tagħmel sagrifiċċji Joanne bil-lejl u bi nhar; tinsa lilha nnifisha biex tieħu ħsieb lit-tfal. Illum napprezza ftit aktar il-qalb tenera u ħanina tal-omm.

Mhux ta’ b’xejn li aħna l-ulied inħobbu lill-Mamà tagħna!

Meta Ġesù ġie fid-dinja huwa wkoll daq it-tjieba u l-ħlewwa ta’ ommu Marija. Sabiex jurina kemm iħobbna, Ġesù medd idu lejn id-dixxipli tiegħu u qal, “Dawn, araw, huma ommi u ħuti” (Mattew 12:46-50).

Lilna li nobdu lil Alla, id-dixxipli tiegħu, Ġesù jgħoddna bħala ħutu; aktar minn hekk Ġesù  jqisna b'affezzjoni u għożża bħalma int u jien għandna għal ommna.