14 May 2013

Tfal Jigdmu lil Xulxin

Huwa komuni ħafna li tfal żgħar fin-nuseries u l-kinder jigdmu lil xulxin.

Tfal ta’ età taħt it-tlett snin jigdmu biex jesprimu frustrazzjoni jew biex jaħkmu fuq oħrajn. Kultant it-tfal żgħar jaħsbu li hija xi ħaġa tajba peress li ħafna Maltin għandhom id-drawwa li 'jigdmu' lit-tfal biex juruhom affezzjoni. Tfal ta’ din l-età jaqtgħu dan il-vizzju meta jitgħallmu li din l-imġieba mhix aċċettabbli.

Bħala l-ewwel għajnuna aħsel sewwa l-gidma bl-ilma u s-sapun. Jekk il-ġilda hi maqsuma jew qed tnixxi d-demm, għattiha b’garża nadifa.

Jekk fil-ġranet ta’ wara l-ħmura, in-nefħa jew l-uġigħ jiżdiedu, jew jekk tifforma xi materja, kellem tabib peress li l-gidma tista’ tkun infettata. Kellem tabib ukoll jekk il-gidma tkun qasmet il-ġilda jew ħareġ id-demm. F’każ bħal dan jista’ jkun hemm bżonn ta’ antibijotiku biex tilqa’ għal xi infezzjoni.

Il-carers u l-għalliema għandhom jinformaw lill-ġenituri taż-żewġt itfal.

Il-ġenituri għandhom joqgħodu attendi mill-attitudni tagħhom meta jitkellmu mal-għalliema. Bil-ġlied żgur mhux se ssolvi ebda problema. Bi ftit rieda tajba malajr jinstab tarf tal-problema.

L-għalliema u l-ġenituri tat-tifel jew tifla li tkun gidmet għandhom juruha li mhux sewwa tigdem, u għandhom jaħdmu magħha biex titgħallem tilgħab u tikkomunika aħjar.

Tfal li jigdmu ta’ spiss u jkollhom problemi oħra fl-imġieba tagħhom jista’ jkun hemm bżonn ta’ għajnuna professjonali.