11 May 2013

Ma Ninsik Qatt

Ommi ma' Elizabeth, John u Mari.
11 ta' Mejju 2013
Xi snin ilu tlajt Għawdex biex norqod id-dar ma’ ommi peress li missieri kien iddaħħal l-isptar. Minħabba x-xjuħija u l-mard, ommi kellha bżonn lil xi ħadd magħha. Ma kienitx għadha timxi, kellha bżonn l-għajnuna anke biex tiekol, u bilkemm kienet għadha titkellem.

L-għada filgħodu kmieni qomt biex niġi lura Malta għax-xogħol. Innotajt li kienet qegħdha tipprova tqum mis-sodda. ‘’Ma,” għidtilha, “għaliex ma tibqax ftit ieħor fis-sodda? Għadu lanqas sebaħ.”

Weġbitni b’vuċi kiebja imma b’determinazzjoni sħiħa, “Biex nagħmillek il-kafè.”

Qabżitli demgħa. Ommi insiet id-diżabilità tagħha imma mhux lil binha. Ir-rieda li tibqa’ tieħu ħsiebi kienet għadha sħiħa bħal qabel.

Nirringrazzja ‘l Alla għal ommi għax fiha nara riflessjoni tal-imħabba tiegħu għalina. Togħġobni ferm din is-silta mill-Iskrittura:

   Tista' mara tinsa t-tarbija tagħha,
   u ma tħennx għal bin ġufha?
   Mqar jekk din tinsa,
   jien ma ninsik qatt! (Isaija 49:15)

Tista’ omm tinsa ‘l uliedha? Minħabba d-dgħjufija umana, forsi iva, xi darba tista' tinsihom.

Imma Alla ma jinsa qatt lil uliedu. Iħobbna b’imħabba eterna. Fl-inċertezzi u t-taqlib tal-ħajja, ejja nsibu r-refuġju u l-faraġ f’Alla l-Missier. Hu jwegħdna, ‘Jien ma ninsik qatt!’