Agħtina l-Ħobżna ta’ Kuljum

Kulħadd ikollu xi ħaġa tinkwetah. Jien għandi tiegħi; inti probabbli għandek xi inkwiet ukoll. Mhux dejjem nistgħu nevitaw il-problemi, imma l-effett tal-problemi fuqna u kemm ikidduna jiddependi ħafna mill-attitudni li nieħdu.

Meta konna żgħar ma konniex ninkwetaw fuq x’se nieklu jew x’se nilbsu. Il-ġenituri kienu jipprovdulna għall-bżonnijiet tagħna. Jekk inkunu morda, iġibulna t-tabib; jekk tonqsona xi ħaġa, jixruhielna; jekk inkunu bil-ġuħ, immorru mal-mejda, u l-mamà ġġibilna l-ikel. It-tfal m’għandhomx bżonn jinkwetaw għax jiddependu fuq l-ġenituri tagħhom.

Il-Mulej iridna nħarsu lejn Alla Missierna fis-smewwiet u nafdaw fih għall-ħobżna ta’ kuljum. Darba minnhom Ġesu qalilna, ‘Min hu dak il-bniedem fostkom, li jekk ibnu jitolbu ħobża, jagħtih ġebla? Jew jekk jitlob ħuta, jagħtih serp?’

Ġesu jkompli, ‘Jekk intom mela, li intom ħżiena tafu kif tagħtu għotjiet tajba lil uliedkom, kemm iżjed Missierkom li hu fis-smewwiet jagħti ħwejjeġ tajba lil dawk li jitolbuh?’ (Mattew 7:9-11).

Mhux biss, l-Iskrittura tmur pass ‘il quddiem u tgħidilna, ‘Xi ngħidu għal dawn il-ħwejjeġ? Jekk Alla magħna min jista’ jkun kontra tagħna? Hu li ma ħafirhiex lanqas lill-istess Ibnu, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll miegħu b’xejn il-ħwejjeġ kollha? (Rumani 8:31, 32).

Daqshekk hu ġeneruż magħna Alla! Infatti Alla ma setgħax ikun aktar ġeneruż milli kien! X’setgħa jagħtina aħjar minn Ibnu? Taħseb mela li se jċaħħadna minn xi ħaġa li neħtieġu?

X’se tagħmel bl-inkwiet tiegħek? Se tibqa’ ġġorru waħdek jew tieħdu u titilqu f’riġlejn Alla li tant jieħu ħsiebek? Ejja mela minflok inkissru rasna, nafdaw f’Alla, u minflok ingergru, nitolbuh bil-qalb. Il-Missier jieħu ħsiebna!