Ħerqana biex Niltaqgħu Miegħu

Din il-ġimgħa kont Milan għal konferenza fuq l-infezzjonijiet fit-tfal. Immissjathom lil marti u lil uliedi ... u huma immissjawni wkoll. Dakinhar li kont ġej lura, Betty qalet lil ommha, 'Mamà ejja mmorru l-iskola biex wara mmorru għall-papà l-airport.'

Kellha ħerqa biex tmur l-iskola għax kienet taf li wara se tiġi tiltaqa' miegħi.

Hekk hi l-ħajja tan-Nisrani. Ix-xewqa tagħna hi li niltaqgħu u nkunu mal-Mulej li tant inħobbu. Imma qabel niltaqgħu miegħu jeħtieġ mmorru 'l-iskola' tal-ħajja biex nitgħallmu nobduh, nħobbu, nafdaw u nittamaw fih.

Għalhekk l-Iskrittura tgħid li aħna l-Insara qed 'nistennew dik it-tama mbierka, u d-dehra glorjuża t’Alla l-kbir, u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu li ta lilu nnifsu għalina, biex jifdina minn kull ħażen, u jnaddaf għalih innifsu poplu, li hu tiegħu, imħeġġeġ għall-opri tajba. (Titus 2:13, 14).

Nistennew mhux b'idejna fuq żaqqna imma mħeġġin biex nagħmlu t-tajjeb u l-ġid lill-oħrajn, għax f'kemm ilni ngħid, malajr niltaqgħu mal-Maħbub tagħna Ġesu'.