Jum il-Missier

Fl-okkażżjoni ta’ Jum il-Missier nixtieq nawgura ġurnata mill-isbaħ lill-missirijiet kollha.

Din is-sena se nkun xogħol l-isptar f'Jum il-Missier. Ħsibt li se jinsewni. Kelli żball. Nhar il-Ġimgħa ġejt mix-xogħol u nsib il-mejda mimlija bi tlett rigali u tlett cards - kumplott bejn John, Elizabeth u Mari, mal-għalliema u l-Mamà! Aktar minn kollox tawni tbissim, tgħanniq u ħafna bews!

Jien nemmen li nkun missier tajjeb għal uliedi jekk inkun raġel tajjeb għall-mara tiegħi. Irrid li meta t-tfal jikbru, John ikun jaf kif iħobb lil martu, u Elizabeth u Mari jkunu jafu kif għandu jitrattahom ġuvni.

Nitfakar b'nostalġija lil missieri; nixtieq ngħidlu, "Pa, Happy Father's Day," kieku għadu magħna. Iż-żmien jgħaddi bħar-riħ. Għadni kemm ittawwalt lit-tfal reqdin. Nibża' mir-responsabiltà li nrabbihom sew fl-imħabba, dixxiplina u ferħ tal-Mulej. B'xi mod irrid inkun għalihom rifless t'Alla l-Missier.

Mulej għinni li meta jkun imiss lili nitlaq uliedi jiftakruni b'għożża, u jkunu għarfu lilek l-Missier u tgħallmu jafdawk u jħobbuk aktar minn ħajjithom stess.

Ħa tkun inti wkoll Missier ferħan u imbierek f’dan il-jum u dejjem bl-imħabba ta’ wliedek li inti fdejt b’Ibnek Ġesù.