X’wegħdna Alla fl-Evanġelju?

Li nkunu dejjem b’saħħitna? Li nkunu sinjuri? Garanzija ta’ prosperità?

Le. Mhux fuq din l-art.

Alla berikna matul ħajjitna bis-saħħa fiżika għalkemm kellna wkoll is-sehem tagħna ta’ mard, u fil-futur nistennew aktar problemi hekk kif ġisimna jkompli jintemm u jitħassar.

Alla tana wkoll x'nieklu, x'nilbsu u saqaf fuq rasna. Hemm fostna min hu aktar u min hu anqas sinjur. Hemm ukoll miljuni ta’ Nsara mad-dinja li m’għandhomx għaxja ta’ lejla. Lil dawn Alla jħobbhom daqs kemm iħobb lilna.

Taf x’wegħdna Alla fl-Evanġelju?

Li jagħtina l-Ħobż ħaj tas-sema - lil Ibnu Ġesù! Din hi l-wegħda tal-Evanġelju! L-aħwa, jekk għandna lil Ġesù ma jonqosna xejn – għax fih għandna l-maħfra, il-ħbiberija m’Alla, u l-wegħda tal-ħajja eterna. Dakinhar jixxotta kull demgħa min għajnejna; dakinhar nimxu fit-triqat dehbija tas-sema; dakinhar narawh wiċċ imb'wiċċ u ngawdu kommunjoni intima miegħu għal dejjem. Din hi l-prosperità tassew li għandna fi Kristu.

Sadanittant nidħqu u nibku, ngawdu u nbatu, niċċelebraw u nagħmlu l-viżtu, niżfnu u ninxteħtu f’qiegħ ta’ sodda, jew kif tgħid l-Iskrittura, "Għalhekk għandkom għax tifirħu mqar jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtiġilkom titnikktu taħt ħafna provi" (1 Pietru:1:6).

Hu x’inhu, ħadd u xejn ma jisraqilna l-ferħ u l-paċi minn qalbna għax aħna diġà għandna ‘l Kristu. Aktar minnu ma rridu xejn!