L-awtiżmu u problemi oħra fit-tfal

Baqgħet impressjonata f’moħħi kitba riċenti ta’ omm fuq Facebook. Qalet li t-tfal b’awtiżmu m’għandhom xejn ħażin.

Pedjatra jew psikologu kapaċi jniżżel lista ta’ problemi li jista’ jkollhom dawn it-tfal.

Imma l-omm tħares minn perspettiva differenti. Ma tarax il-problemi, imma tara lil binha u tħobbu u taċċettaw kif inhu, għax hu binha!

Dan jgħodd għat-tfal kollha – għax kollha għandom xi problema jew oħra, kbira jew żgħira, fl-iżvilupp, imġieba jew mard. Ikun żball għall-ġenituri li tant niffokaw fuq il-problema li ninsew lilhom bħala persuni. Qabel xejn jeħtieġ inħaddnuhom u ngħożżuhom kif inhuma għax huma wlieda; dan ikun ukoll l-ewwel u l-aktar pass importanti biex ngħinuhom fil-problemi u kull aspett ta’ ħajjithom.